[go: up one dir, main page]

Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Governanza korporattiva

Barra l-korpi deċiżjonali, il-governanza korporattiva tal-Bank Ċentrali Ewropew tiġbor fiha għadd ta’ livelli ta’ kontroll estern u intern.

Kumitat tal-Verifika

Sabiex tkompli tissaħħaħ il-governanza korporattiva tal-BĊE u tal-Eurosistema, Kumitat tal-Verifika ta’ livell għoli jipprovdi assistenza lill-Kunsill Governattiv fuq ir-responsabbiltajiet tiegħu dwar:

  1. l-integrità tal-informazzjoni finanzjarja;
  2. is-sorveljanza tal-kontrolli interni;
  3. konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-kodiċijiet ta’ kondotta applikabbli
  4. it-twettiq tal-funzjonijiet ta’ verifika;

Ir-rwol tal-Kumitat huwa deskritt f’aktar dettall fil-mandat tal-Kumitat tal-Verifika. Il-Kumitat tal-Verifika, li huwa mmexxi minn Yannis Stournaras, għandu erba’ membri oħra: Luis de Guindos, Pervenche Berès, Ardo Hansson and Klaas Knot.

Kumitat tal-Awdituri Interni

Il-Kumitat tal-Awdituri Interni, skont l- Audit Charter għall-Eurosistema/SEBĊ u l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) (bl-Ingliż biss) jgħin biex jinkisbu l-għanijiet tal-Eurosistema/SEBĊ u l-MSU billi jipprovdi servizzi ta’ assigurazzjoni u konsulenza indipendenti u oġġettivi mfasslin biex iżidu l-valur u biex itejbu l-effikaċja tal-kompiti u l-attivitajiet tal-Eurosistema/SEBĊ u l-MSU.

Il-Kumitat tal-Awdituri Interni jwieġeb għall-korpi deċiżjonali tal-Bank Ċentrali Ewropew u huwa responsabbli għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ verifika tal-Eurosistema/SEBĊ u l-MSU. Barra minn hekk, jiddefinixxi l-istandards komuni tax-xogħol ta' verifika fl-Eurosistema/SEBĊ u l-MSU.

Livelli ta’ kontroll estern

L-Istatut tas-SEBĊ jipprevedi żewġ livelli ta’ kontroll estern:

  • Awdituri esterni
  • Qorti Ewropea tal-Awdituri

L-awdituri esterni jivverifikaw il-kontijiet annwali tal-BĊE (Artikolu 27.1 tal-Istatut tas-SEBĊ). Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri teżamina l-effiċjenza operattiva tal-amministrazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (l-Artikolu 27.2).

Prattika Tajba għall-għażla u l-mandat tal-Awdituri Esterni skont l-Artikolu 27.1 tal-Istatut tas-SEBĊ/BĊE, kif approvata mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, 10 ta' Marzu 2017,

Ir-rapporti tal-verifika tal-awdituri esterni jiġu pubblikati bħala parti mir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Ir-rapporti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u t-tweġibiet tal-BĊE huma disponibbli fis-sezzjoni Rapporti tal-Awditu, reviżjonijiet u opinjonijiet fuq is-sit web tal-QEA.

Livelli ta' kontroll intern

Verifika Interna

Id-Direttorat għall-Verifika Interna jwettaq dmirijietu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Bord Eżekuttiv. Il-mandat tad-Direttorat għall-Verifika Interna huwa ddefinit fil-Karta tal-Verfika tal-BĊE approvata mill-Bord Eżekuttiv.

Din il-Karta ġiet stabbilita skont l-istandards professjonali aċċettati fil-livell internazzjonali, b’mod partikolari dawk tal-Istitut tal-Awdituri Interni (IIA). 

Struttura tal-kontroll intern

Il-Bord Eżekuttiv għandu r-responsabbiltà ġenerali għas-superviżjoni tal-ġestjoni tar-riskji tal-BĊE.

Barra minn hekk, l-istruttura tal-kontroll intern tal-BĊE hi msejsa fuq metodu funzjonali ta' tliet livelli fejn kull unità organizzattiva (Sezzjoni, Diviżjoni, Direttorat jew Direttorat Ġenerali) għandha responsabbiltà ewlenija għall-ġestjoni tar-riskji tagħha stess, kif ukoll għandha tiżgura l-effikaċja u l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tagħha.

Oqsma tal-BĊE bħal dawk tal-ġestjoni tar-riskju operattiv, il-ġestjoni tar-riskju finanzjarju u l-Uffiċċju għall-Konformità u l-Governanza jassumu r-rwol tat-tieni livell ta' kontroll, biex b'hekk jistimulaw u jsostnu l-implimentazzjoni ta' kontrolli u kontro-kontrolli fl-organizzazzjoni.

Il-qasam tal-BĊE għall-verifika interna jikkostitwixxi t-tielet livell ta' kontroll billi jipprovdi servizzi ta' konsulenza indipendenti u oġġettiva maħsuba biex iżidu l-valur u jtejbu l-operazzjonijiet tal-BĊE. Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Verifika tal-BĊE jkompli jsaħħaħ il-livelli ta' kontroll u l-governanza korporattiva tal-BĊE, kif imfisser hawn fuq.

Qafas tal-etika

Bħala istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-BĊE hu fdat b'kompiti li huma ta' servizz għall-interess pubbliku. Il-qafas tal-etika tal-BĊE jistabbilixxi regoli tal-etika u prinċipji ta’ gwida biex jiżgura l-ogħla livell ta' integrità, kompetenza, effiċjenza u trasparenza fit-twettiq ta' dmirijietu. L-adeżjoni ma' dawn il-prinċipji hi element ewlieni tal-kredibiltà tal-BĊE u hi essenzjali biex tiżgura l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fil-ġestjoni u l-attivitajiet tal-BĊE.

Il-qafas tal-etika tal-BĊE għall-membri tal-istaff, li jinsab fir-Regoli għall-Istaff, ġie emendat fit-3 ta' Diċembru 2014 wara li ġie stabbilit il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Il-qafas rivedut daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015, meta fl-istess ħin ġie stabbilit il-Kodiċi tal-Kondotta għall-Membri tal-Bord Superviżorju tal-BĊE.

Kodiċi ta’ Kondotta Uniku għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet kollha tal-BĊE u uffiċjali ta’ livell għoli daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019. Verżjoni aġġornata b'regoli mtejba dwar tranżazzjonijiet finanzjarji privati daħlet fis-seħħ minn Jannar 2023

Implimentazzjoni tal-qafas tal-etika

Wara li twaqqaf l-MSU, il-kwistjonijiet ta' governanza saru iżjed importanti għall-BĊE. Biex jiżgura implimentazzjoni adegwata u konsistenti tal-qafas tal-etika u biex isaħħaħ il-governanza korporattiva tal-BĊE, fis-17 ta' Diċembru 2014 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jwaqqaf Kumitat tal-Etika. Dan il-Kumitat assuma r-responsibbiltajiet li qabel kienu assenjati lill-Konsulent tal-Etika skont il-Kodiċi tal-Kondotta għall-membri tal-Kunsill Governattiv u lill-Uffiċjal tal-Etika skont il-Kriterji tal-Kodiċi Supplimentari tal-Etika għall-membri tal-Bord Eżekuttiv.

Il-kompitu ewlieni tal-Kumitat tal-Etika hu li jagħti pariri lill-membri tal-korpi involuti fil-proċessi deċiżjonali tal-BĊE dwar kwistjonijiet ta' etika, abbażi ta' talbiet individwali.

Deċiżjoni tal-BĊE (BĊE/2014/59) dwar it-twaqqif ta' Kumitat tal-Etika u r-Regoli ta' Proċedura tiegħu

Skont l-impenn tiegħu biex jiżgura li l-kondotta tal-attivitajiet tal-BĊE tikkonforma mal-prinċipji ta' integrità biex iżomm l-ogħla standards etiċi, il-Bord Eżekuttiv waqqaf ukoll uffiċċju għall-konformità u l-governanza. Dan beda jiffunzjona fl-istess ħin meta daħlet fis-seħħ il-verżjoni riveduta tar-Regoli għall-Istaff tal-BĊE. Ir-responsabbiltajiet tal-Uffiċċju għall-Konformità u l-Governanza jinkludu t-twettiq tar-rwol li qabel kellu l-Uffiċjal tal-Etika fil-konfront tal-istaff.

L-Uffiċċju għall-Konformità u l-Governanza għandu funzjoni ewlenija u indipendenti ta' kontroll biex isaħħaħ il-qafas ta' governanza tal-BĊE billi jappoġġa lill-Bord Eżekuttiv fil-ħarsien tal-integrità u r-reputazzjoni tal-BĊE, billi jippromwovi l-istandards etiċi fl-imġiba tal-membri tal-istaff u billi jsaħħaħ ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-BĊE.

Awtorità baġitarja

L-awtorità baġitarja tal-BĊE tinsab f’idejn il-Kunsill Governattiv. Dan jadotta l-baġit tal-BĊE wara proposta mressqa mill-Bord Eżekuttiv. Barra dan, il-Kumitat għall-Baġit jassisti lill-Kunsill Governattiv fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-baġit tal-BĊE.

Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data jiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725 jiġu applikati fil-BĊE u jagħti pariri lill-kontrolluri u lill-proċessuri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom. L-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data jirrapporta lill-Bord Eżekuttiv u jwettaq il-kompiti u d-dmirijiet tiegħu/tagħha b’mod indipendenti. Il-kompiti u s-setgħat tad-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data huma ddefiniti aktar fid-Deċiżjoni (UE) 2020/655.

Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39-98

Deċizjoni BĊE/2020/655 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ April 2020 li tadotta regoli implimentattivi dwar il-protezzjoni tad-data fil-Bank Ċentrali Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni BĊE/2007/1(BĊE/2020/28), ĠU L 152, 15.5.2007, p. 13-20.

Prevenzjoni ta' frodi fi ħdan il-BĊE u regoli li japplikaw għall-investigazzjonijiet tal-OLAF

Miżuri kontra l-frodi fl-Unjoni Ewropea

Fl-1999 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li hija ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet. Ir-regolament jipprevedi prinċipalment l-investigazzjoni interna min-naħa tal-OLAF dwar suspett ta’ frodi f’istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni Ewropea.

Miżuri tal-BĊE kontra l-frodi

Deċiżjoni tal-BĊE dwar ir-regoli li japplikaw għall-investigazzjonijiet tal-OLAF ‒ Fit-3 ta’ Ġunju 2004 il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew adotta d-Deċiżjoni (BĊE/2004/11) dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għal investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi tal-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kull attività illegali oħra li tkun ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u li temenda l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għall-Istaff tal-Bank Ċentrali Ewropew. Din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2004. Id-Deċiżjoni kienet ikkumplimentata mill-Arranġamenti Amministrattivi bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, iffirmat fis-16 ta’ Ġunju 2016, biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-BĊE u s-servizzi tal-OLAF.

L-iskema preċedenti tal-BĊE kontra l-frodi

Waqt li l-Kunsill Governattiv aċċetta l-ħtieġa ta’ miżuri ibsin kontra l-frodi, kien ukoll tal-fehma li l-pożizzjoni indipendenti tal-Bank Ċentrali Ewropew u d-dmirijiet statutorji tiegħu kienu jimpedixxu l-applikazzjoni tar-Regolament OLAF fil-konfront tal-Bank Ċentrali Ewropew. Minflok, adotta Deċiżjoni separata tal-BĊE fis-7 ta' Ottubru 1999 dwar prevenzjoni ta' frodi (BĊE/1999/5). Din id-deċiżjoni kienet tipprevedi li kellha tiġi stabbilita skema komprensiva kontra l-frodi taħt il-kontroll finali ta’ Kumitat Kontra l-Frodi indipendenti.

Il-Kummissjoni Ewropea, bl-appoġġ tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew, ikkontestat din il-pożizzjoni (Kawża C-11/00). Fl-10 ta’ Lulju 2003, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ħadet deċiżjoni fuq is-sottomissjonijiet ta’ dawn il-partijiet u annullat id-Deċiżjoni BĊE/1999/5.

Is-sentenza tal-Qorti qiegħdet b’mod ċar lill-Bank Ċentrali Ewropew “fi ħdan il-qafas tal-Komunità”. Fl-istess waqt stqarret li l-leġiżlatur ried jiżgura li l-Bank Ċentrali Ewropew seta’ jwettaq id-dmirijiet li ngħatawlu b’mod indipendenti. Madankollu, il-Qorti ddeċidiet li din l-indipendenza ma kellhiex il-konsegwenza li tifred għalkollox lill-Bank Ċentrali Ewropew mill-Komunità u li teżentah minn kull regola tad-dritt Komunitarju. Dan huwa konformi mal-metodu segwit mill-BĊE. L-applikazzjoni tar-Regolament OLAF m’għandhiex tfixkel lill-Bank Ċentrali Ewropew milli jwettaq dmirijietu b’mod indipendenti.

Matul il-perjodu tal-eżistenza tiegħu, il-Kumitat tal-Bank Ċentrali Ewropew kontra l-frodi stabbilixxa dawn ir-rapporti annwali dwar l-attivitajiet:

ARA WKOLL

Skopri aktar dwar kontenut relatat

Pubblikazzjonijiet

Rapport Annwali

Il-paġni kollha f’din it-taqsima