[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Unjoni Sovjetika

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-bandiera tal-Unjoni Sovjetika

L-Unjoni Sovjetika, magħrufa uffiċjalment bħala l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (URSS), kienet stat soċjalista fit-Tramuntana tal-Ewrasja li eżista mill-1922 sal-1991. Nominalment kienet unjoni federali ta’ diversi Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (RSS) nazzjonali, iżda fil-prattika l-gvern u l-ekonomija tagħha kienu ċentralizzati ferm sal-aħħar snin tal-eżistenza tagħha. Kienet stat b’partit wieħed li qabel l-1990 kien iggvernat mill-Partit Komunista tal-Unjoni Sovjetika, b’Moska bħala l-belt kapitali tiegħu fl-ikbar repubblika tal-istat, ir-Repubblika Soċjalista Federali Sovjetika (RSFS) Russa. Ċentri urbani maġġuri oħra kienu Leningrad (RSFS Russa), Kiev (RSS Ukrena), Minsk (RSS Belarussa), Tashkent (RSS Użbeka), Almaty (RSS Każaka) u Novosibirsk (RSFS Russa). L-Unjoni Sovjetika kienet l-ikbar pajjiż fid-dinja bħala erja tal-art, b’iktar minn 10,000 kilometri mil-Lvant għall-Punent, bi 11-il żona tal-ħin u iżjed minn 7,200 kilometru mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. It-territorju tagħha kien jinkludi l-biċċa l-kbira tal-Ewropa tal-Lvant, partijiet mit-Tramuntana tal-Ewropa u mill-Punent tal-Asja, u l-Asja Ċentrali u t-Tramuntana tal-Asja kollha. Il-ħames bijomi tagħha kienu t-tundra, it-tajga, l-isteppi, id-deżert u l-muntanji. Il-popolazzjoni tagħha, b’tant diversità fi ħdanha, kienet magħrufa uffiċjalment bħala l-poplu Sovjetiku.

L-Unjoni Sovjetika tnisslet fir-Rivoluzzjoni ta’ Ottubru tal-1917 meta l-Bolxeviki, immexxija minn Vladimir Lenin, waqqa’ l-Gvern Proviżorju li preċedentment kien issostitwixxa l-monarkija tal-Imperu Russu. Huma stabbilixxu r- Sovjetika Russa, u bdew gwerra ċivili bejn l-Armata Ħamra tal-Bolxeviki u bosta forzi kontra l-Bolxeviki madwar l-Imperu preċedenti, fosthom l-ikbar fazzjoni kienet il-Gwardja Bajda, li wettqet repressjoni vjolenti ta’ kontra l-Komunisti fil-konfront tal-Bolxeviki u tal-ħaddiema u r-raħħala li appoġġawhom, magħrufa bħala t-Terrur Abjad. L-Armata Ħamra kompliet tespandi u għenet lill-Bolxeviki lokali jiksbu l-poter, bl-istabbiliment ta’ iktar repubbliki Sovjetiċi, u bir-repressjoni tal-oppożituri politiċ u tar-raħħala ribellużi, magħrufa bħala t-Terrur Aħmar. Sal-1922, il-Bolxeviki rnexxielhom ikunu rebbieħa, u ffurmaw l-Unjoni Sovjetika bl-unifikazzjoni tar-repubbliki Russi, Transkawkażiċi, Ukreni u Belarussi. Il-Politika Ekonomika l-Ġdida, li ġiet introdotta minn Lenin, wasslet għal ritorn parzjali għal suq ħieles u għall-proprjetà privata; dan irriżulta f’perjodu ta’ rkupru ekonomiku.

Wara l-mewt ta’ Lenin fl-1924, Joseph Stalin kiseb il-poter. Stalin għakkeż l-oppożizzjoni politika kollha fi ħdan il-Partit Komunista u inawgura ekonomija ta’ kmand.[1] B’riżultat ta’ dan, il-pajjiż għadda minn perjodu ta’ industrijalizzazzjoni rapida u kollettivizzazzjoni sfurzata, li wasslu għal tkabbir ekonomiku sinifikanti, iżda anke għall-ġuħ ikkawżat mill-bniedem fl-1932-1933 u għall-espansjoni tas-sistema tal-Gulag tal-kampijiet tax-xogħol sfurzat li kienet stabbilita oriġinarjament fl-1918. Stalin qanqal ukoll il-paranojja politika u wettaq it-Tisfija l-Kbira sabiex ineħħi l-oppożituri reali u perċepiti tiegħu mill-Partit permezz ta’ arresti tal-massa ta’ mexxejja militari, membri tal-Partit Komunista, u ċittadini ordinarji, li mbagħad kienu jintbagħtu f’kampijiet korrettivi tax-xogħol sfurzat jew kienu jiġu ġġustizzjati.[2]

Fit-23 ta’ Awwissu 1939, wara sforzi li ma rnexxewx biex tiġi ffurmata alleanza kontra l-Faxxiżmu mas-setgħat tal-Punent, is-Sovjetiċi ffirmaw il-ftehim ta’ nonaggressjoni mal-Ġermanja Nażista. Wara l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, is-Sovjetiċi li formalment kienu newtrali invadew u wettqu l-annessjoni ta’ territorji ta’ diversi stati Ewropej tal-Lvant, fosthom il-Lvant tal-Polonja u l-istati Baltiċi. F’Ġunju 1941 il-Ġermaniżi invadew l-Unjoni Sovjetika, u wittew it-triq għall-ikbar gwerra u għall-iktar gwerra mdemmija fl-istorja. Il-persuni midruba jew maqtula fil-gwerra Sovjetika kienu jammontaw għall-ogħla proporzjon tal-kunflitt u kienu l-prezz qares li kellu jitħallas biex is-Sovjetiċi jirbħu kontra l-forzi tal-Assi f’battalji intensi bħal dik ta’ Stalingrad. Il-forzi Sovjetiċi eventwalment ħatfu lil Berlin u rebħu t-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa fid-9 ta’ Mejju 1945. It-territorji mirbuħa mill-Armata Ħamra saru stati satellita tal-Blokk tal-Lvant. Fl-1947 faqqgħet il-Gwerra Bierda bħala riżultat tad-dominanza Sovjetika wara l-gwerra fl-Ewropa tal-Lvant, fejn il-Blokk tal-Lvant issielet kontra l-Blokk tal-Punent li ngħaqad fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) fl-1949.

L-emblema tal-Unjoni Sovjetika

Wara l-mewt ta’ Stalin fl-1953, perjodu magħruf bħala d-de-Stalinizzazzjoni u t-Tberrid ta’ Khrushchev seħħ taħt it-tmexxija ta’ Nikita Khrushchev. Il-pajjiż żviluppa malajr peress li miljuni ta’ raħħala ġew imċaqilqa fi bliet industrijalizzati. Il-URSS kienet minn ta’ quddiem fit-Tellieqa fl-Ispazju bl-ewwel satellita li qatt ittellgħet fl-ispazju, bl-ewwel titjira fl-ispazju bil-bnedmin abbord u bl-ewwel sonda li qatt niżlet fuq pjaneta oħra, Venere. Fis-snin 70 tas-seklu 20, kien hemm distensjoni qasira fir-relazzjonijiet mal-Istati Uniti, iżda t-tensjonijiet reġgħu skalaw meta l-Unjoni Sovjetika stazzjonat it-truppi fl-Afganistan fl-1979. Il-gwerra xorbot ir-riżorsi ekonomiċi u fl-istess ħin il-militar Amerikan żied l-għajnuna lill-ġellieda Mujahideen.

Fin-nofs tas-snin 80 tas-seklu 20, l-aħħar mexxej Sovjetiku, Mikhail Gorbachev, għamel ħiltu biex ikompli jirriforma u jilliberalizza l-ekonomija permezz tal-politiki tiegħu ta’ glasnost u perestroika. L-għan kien li jippreserva l-Partit Komunista u jneħħi l-istaġnar ekonomiku. Il-Gwerra Bierda ntemmet waqt il-mandat tiegħu u fl-1989, il-pajjiżi tal-Patt ta’ Varsavja fl-Ewropa tal-Lvant waqqgħu r-reġimi Marxisti u Leninisti rispettivi tagħhom. B’mod partikolari, l-indeċiżjoni rigward it-teħid ta’ azzjoni tal-mexxejja tal-Ewropa tal-Lvant wara l-Picnic Pan-Ewropew ikkawża l-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid, li kissret l-unità Komunista li qabel kienet tant qawwija. Dan wassal biex bdew ifeġġu movimenti nazzjonalisti u separatisti b’saħħithom anke fil-URSS. L-awtoritajiet ċentrali taw bidu għal referendum — li ġie bokjottjat mir-repubbliki Baltiċi, mill-Armenja, mill-Georgia, u mill-Moldova — li rriżulta fil-maġġoranza taċ-ċittadini li pparteċipaw ivvutaw favur iż-żamma tal-Unjoni bħala federazzjoni mġedda. F’Awwissu 1991, kien hemm tentattiv ta’ kolp ta’ stat mill-iktar partitarji akkaniti tal-Partit Komunista. Madankollu, dan falla, permezz tar-rwol ta’ profil għoli li kellu il-President Russu Boris Yeltsin, u dan wassal għall-projbizzjoni tal-Partit Komunista. Fil-25 ta’ Diċembru 1991, Gorbachev irriżenja u t-tnax-il repubblika kostitwenti li kien għad fadal fl-Unjoni Sovjetika saru stati indipendenti. Il-Federazzjoni Russa (li qabel kienet l-SFSR Russa) ħadet f’idejha d-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni Sovjetika u hija rikonoxxuta bħala l-personalità ġuridika kontinwa tagħha.

Il-URSS ipproduċiet bosta kisbiet u innovazzjonijiet soċjali u teknoloġiċi sinifikanti fis-seklu 20. Il-pajjiż kellu t-tieni l-ikbar ekonomija fid-dinja u kellu l-ikbar militar fid-dinja.[3][4][5] Il-URSS kienet rikonoxxuta bħala waħda mill-ħames stati li kellhom armi nukleari. Kienet membru permanenti fundatur tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll membru tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), tal-Federazzjoni Dinjija tat-Trade Unions (WFTU) u l-membru ewlieni tal-Kunsill għall-Assistenza Ekonomika Reċiproka u l-Patt ta’ Varsavja.

Qabel ix-xoljiment tagħha, il-URSS kienet żammet l-istatus tagħha bħala waħda miż-żewġ superpotenzi tad-dinja għal erba’ deċennji wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Dik li xi kultant tissejjaħ “l-Imperu Sovjetiku” eżerċitat l-eġemonija tagħha fl-Ewropa tal-Lvant u fid-dinja b’qawwa militari u ekonomika, kunflitti bi prokura u influwenza fil-pajjiżi fil-fażi ta’ żvilupp, u finanzjament tar-riċerka xjentifika, speċjalment fit-teknoloġija spazjali u fl-armi.[6][7]

It-terminu “sovjet” ġejja mill-kelma Russa sovet (bir-Russu: совет), li tfisser “kunsill”, “assemblea”, “parir”, li fl-aħħar mill-aħħar toriġina miz-zokk verbali proto-Slaviku ta’ vět-iti (“informa”), relatat ma’ věst (“aħbarijiet”) bis-Slaviku, wise (“għaref”) bl-Ingliż, l-għerq f”“ad-vis-or” (li daħal fl-Ingliż mill-Franċiż), jew weten (“jaf”; kif ukoll wetenschap li tfisser “xjenza”). Il-kelma sovietnik tfisser “kunsillier”.[8]

Xi organizzazzjoni fl-istorja Russa kienu jissejħu kunsill (bir-Russu: совет). Fl-Imperu Russu, il-Kunsill tal-Istat li ffunzjona mill-1810 sal-1917 kien jissejjaħ Kunsill tal-Ministri wara r-rewwixta tal-1905.

Matul il-Kwistjoni tal-Georgia, Vladimir Lenin kellu viżjoni ta’ espressjoni ta’ xoveniżmu etniku Russu kbir minn Joseph Stalin u dawk li kienu jappoġġawh, u sejjaħ lin-nazzjonijiet li kienu stati biex jissieħbu mar-Russja bħala partijiet semiindipendenti ta’ unjoni ikbar li inizjalment sejjaħ bħala l-Unjoni tar-Repubbliki Sovjetiċi tal-Ewropa u tal-Asja (bir-Russu: Союз Советских Республик Европы и Азии, trażlitterata: Soyuz Sovetskikh Respublik Evropy i Azii).[9] Stalin inizjalment irreżista l-proposta iżda finalment aċċettaha, għalkemm bil-qbil ta’ Lenin biddel l-isem għal Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi (URSS), anke jekk ir-repubbliki kollha bdew bħala Sovjetiċi Soċjalisti u baqgħu jissejħu hekk sal-1936. Barra minn hekk, bil-lingwi nazzjonali ta’ diversi repubbliki, il-kelma kunsill jew tal-kunsill bil-lingwi rispettivi nbidlet ħafna iktar ’il quddiem għal adattament tas-sovet bir-Russu u qatt ma nbidlet f’oħrajn bħal pereżempju l-Ukrajna.

СССР (bl-alfabett tal-lingwi Latini: SSSR) hija l-akronimu ta’ URSS bir-Russu b’ittri Ċirilliċi. Is-Sovjetiċi tant kienu jużaw l-akronimu Ċirilliku li l-udjenzi minn madwar id-dinja kollha saru midħla tat-tifsira tagħha. Ta’ min isemmi, li ż-żewġ ittri Ċirilliċi li ntużaw fl-akronimu huma ittri omoglifiċi (iżda bi trażlitterazzjoni distinta) fl-alfabett tal-lingwi Latini. Minħabba li dan l-akronimu Ċirilliku kien mifrux sew, diversi utenti tal-lingwi Latini spiss jużaw l-ittri omoglifiċi C u P (minflok l-ittri trażlitterati S u R) għall-akronomu nattiv tal-URSS.

Wara СССР, l-iktar forma mqassra komuni għall-Istat Sovjetiku bir-Russu kienu Советский Союз (trażlitterata: Sovetskiy Soyuz) li litteralment tfisser “Unjoni Sovjetika”, kif ukoll Союз ССР (trażlitterazzjoni: Soyuz SSR) li tfisser “Unjoni ta’ RSS”.

Bil-Malti, l-Istat Sovjetiku jissejjaħ l-Unjoni Sovjetika jew il-USSR, bl-akronimu Ingliż. B’lingwi Ewropej oħra, l-akronimu jinbidel ukoll skont it-tismija lokali, bħal pereżempju URSS jew Union soviétique bil-Franċiż, jew UdSSR jew Sowjetunion bil-Ġermaniż. Kemm-il darba, b’mod kollokjali jew informali, l-Unjoni Sovjetika kienet tiġi msejħa Russja u ċ-ċittadini tagħha Russi[10], għalkemm teknikament dan kien żball peress li r-Russja kienet biss waħda mir-repubbliki.[11]

Il-mappa tal-Unjoni Sovjetika mill-1945 sal-1991

B’erja ta’ 22,402,200 kilometru kwadru, l-Unjoni Sovjetika kienet l-ikbar pajjiż fid-dinja. Mix-xoljiment tagħha, il-Federazzjoni Russa ħaditilha postha bħala l-ikbar pajjiż fid-dinja.[12] L-Unjoni Sovjetika kienet tkopri 16.666% tal-art tad-dinja u d-daqs tagħha kienet paragunabbli mad-daqs tal-Amerka ta’ Fuq.[13] Żewġ stati suċċessuri oħra, il-Każakistan u l-Ukrajna, attwalment jinsabu fil-klassifika tal-ikbar għaxar pajjiżi bħala erja tal-art, u l-ikbar pajjiż fl-Ewropa rispettivament. Il-porzjon Ewropew kien jirrappreżenta kwart tal-erja tal-pajjiż u kien iċ-ċentru kulturali u ekonomiku. Il-porzjon tal-Lvant fl-Asja kien jestendi sal-Oċean Paċifiku fil-Lvant u sal-Afganistan fin-Nofsinhar, u għajr għal xi żoni fl-Asja Ċentrali, kien ħafna inqas popolat. L-Unjoni Sovjetika kellha estensjoni ta’ iżjed minn 10,000 kilometru mill-Punent sal-Lvant u 11-il żona tal-ħin, u iżjed minn 7,200 kilometru (4,500 mi) mit-Tramuntana san-Nofsinhar. Barra minn hekk, kellha ħames żoni klimatiċi: it-tundra, it-tajga, l-isteppi, id-deżert u l-muntanji.

Il-Lag ta’ Baikal iffriżat

Il-URSS, bħar-Russja, kellha l-itwal fruntiera tad-dinja, b’iktar minn 60,000 kilometru, jew daqs ċirkonferenza u nofs tad-dinja. Żewġ terzi tal-Unjoni Sovjetika kienu kosta. Il-pajjiż kellu fruntieri mal-Afganistan, maċ-Ċina, maċ-Ċekoslovakkja, mal-Finlandja, mal-Ungerija, mal-Iran, mal-Mongolja, mal-Korea ta’ Fuq, man-Norveġja, mal-Polonja, mar-Rumanija, u mat-Turkija mill-1945 sal-1991. L-Istrett ta’ Bering kien jissepara l-URSS minn mal-Istati Uniti, filwaqt li l-Istrett ta’ La Pérouse kien jisseparaha mill-Ġappun.

L-ogħla muntanja tal-pajjiż kienet magħrufa bħala l-Quċċata tal-Komuniżmu (attwalment magħrufa bħala l-Quċċata ta’ Ismoil Somoni) fit-Taġikistan, b’elevazzjoni ta’ 7,495 metru. Il-URSS kienet tinkludi wkoll il-biċċa l-kbira tal-ikbar lagi tad-dinja; il-Baħar Kaspju (kondiviż mal-Iran), u l-Lag ta’ Baikal, l-ikbar (bħala volum) lag tal-ilma ħelu fid-dinja u l-iktar wieħed fond fid-dinja li huwa korp tal-ilma intern fir-Russja.

  1. ^ Hough, Jerry F. “The ‘Dark Forces," the Totalitarian Model, and Soviet History.” The Russian Review, vol. 46, no. 4, 1987, pp. 397–403.
  2. ^ "Закон СССР от 14 марта 1990 г. N 1360-I "Об учреждении поста Президента СССР и внесении изменений и дополнений в Конституцию (Основной Закон) СССР"". web.archive.org. 2017-10-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-08-13. Miġbur 2021-05-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "GDP - Million - Flags, Maps, Economy, Geography, Climate, Natural Resources, Current Issues, International Agreements, Population, Social Statistics, Political System". web.archive.org. 2018-06-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-06-12. Miġbur 2021-05-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ Scott and Scott (1979) p. 305.
  5. ^ "30 October 1961 - The Tsar Bomba: CTBTO Preparatory Commission". web.archive.org. 2016-03-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-19. Miġbur 2021-05-14.
  6. ^ "The Soviet Union and the United States - Revelations from the Russian Archives | Exhibitions - Library of Congress". web.archive.org. 2017-09-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-09-15. Miġbur 2021-05-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ Wheatcroft, S. G.; Davies, R. W.; Cooper, J. M. (1986). Soviet Industrialization Reconsidered: Some Preliminary Conclusions about Economic Development between 1926 and 1941. 39. Economic History Review. pp. 30–2. ISBN 978-0-7190-4600-1.
  8. ^ Soviet. Miġbur 2021-05-14.
  9. ^ Fischer 1964, p. 608; Lewin 1969, p. 50; Leggett 1981, p. 354; Volkogonov 1994, p. 421; Service 2000, p. 455; White 2001, p. 175.
  10. ^ "Russian | Definition of Russian in English by Oxford Dictionaries". web.archive.org. 2017-10-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-10-10. Miġbur 2021-05-14.
  11. ^ "Russia | Definition of Russia by Merriam-Webster". web.archive.org. 2017-06-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-06-06. Miġbur 2021-05-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  12. ^ "Russia -- Britannica Online Encyclopedia". web.archive.org. 2008-04-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-04-26. Miġbur 2021-05-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ "Virginia Thompson. "The Former Soviet Union: Physical Geography" (PDF). Towson University: Department of Geography & Environmental Planning" (PDF). web.archive.org. 2012-09-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-09-15. Miġbur 2021-05-14.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)