[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Milied

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Adorazzjoni tar-Rgħajja, minn Gerard van Honthorst, 1622, Wallraf-Richartz Museum

Il-Milied hija festa vaganza ċċelebrata l-iktar fil-25 ta' Diċembru biex tfakkar it-twelid ta' Ġesù, il-figura ċentrali tal-Kristjanità. Mhuwiex magħruf jekk din il-ġurnata hix tassew il-ġurnata tat-twelid ta' Ġesù imma jista' jkun li ħadet post il-festa qadima tas-solistizju tax-xitwa fil-kalendarju antik Ruman. Minkejja li l-Milied hija predominantement festa Nisranija, din tiġi ċċelebrata minn ħafna nies li mhumiex ta' twemmin Nisrani. Fost id-drawwiet popolari marbuta mal-Milied insibu l-għoti tar-rigali, il-Father Christmas, il-mużika u l-għanjiet tal-Milied, kartolini b'xewqat, ċelebrazzjonijiet reliġjużi bħall-quddies ta' nofs il-lejl, ikel speċjali, u dekorazzjonijiet varji bħas-siġra tal-Milied, dwal, girlandi, mistletoes, presepji, u l-holly.

L-għoti tar-rigali u ż-żieda fl-attività ekonomika għamel minn dan iż-żmien żmien importanti għal tal-ħwienet u n-negozjanti. L-impatt ekonomiku tal-Milied kiber ħafna f'dawn l-aħħar sekli f'ħafna partijiet tad-dinja.

L-isem "Milied"

[immodifika | immodifika s-sors]

L-isem sħiħ tal-festa bil-Malti huwa l-Milied ta' Ġesù, għax il-kelma "milied" tfisser sempliċiment twelid, u hija nom mimmat mill-verb "wiled".

L-Istoriċità ta' Betlem bħala l-post fejn twieled Ġesù

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-Evanġelji, l-aktar xhieda antika dwar il-post tat-twelid ta’ Ġesù, hi dik ta’ Ġustinu, isqof u martri (lejn it-tieni parti tat-2 seklu). Oriġinarjament hu kien minn Flavia Neapoli (illum Nablus) tal-Palestina. Ġustinu jikteb, “fil-mument tat-twelid tat-tarbija f’Betleħem, minħabba li ma nstabx post fejn joqogħdu fir-raħal, Ġużeppi waqaf ħdejn grotta viċin iż-żona abitata, u kif kienu jinsabu hemm Marija welldet lil Kristu u qegħditu f’maxtura, fejn ukoll il-Maġi li ġew mill-Għarabja sabuh.” Il-grotta msemmija bħala l-post ta’ abitazzjoni hi magħrufa mit-tradizzjonijiet ħajjin tal-lokal, xhieda ta’ dan, il-Vanġelu Apokrifu ta’ Ġakbu (3 seklu), kif ukoll Oriġene (3 seklu). Dan kollu hu l-bażi tal-istorja suċċessiva tas-santwarju ta’ Betlem.

Din l-istess grotta ġiet imdawra mill-Imperatur Kostantinu, kif ukoll minn ommu Elena b’bini mill-isbaħ sa mhux aktar tard mis-sena 325 W.K. Dan jistqarru l-istoriku Ewsebju ta’ Ċesarija, kontemporanju tal-fatti miktuba. Fis-sena 386, San Ġilormu stabilixxa ruħu biswit il-bażilika, flimkien man-nobbli Rumana Paola u dixxipli oħrajn. Kienu jgħixu ħajja monastika, iddedikati għall-istudju tal-Bibbja u fil-ħolqien tal-famuża verżjoni latina ta’ l-iskrittura (il-Vulgata), li imbagħad saret il-Bibbja ufficjali fil-Knisja tal-Punent. Il-Bażilika tar-raba’ seklu ġiet mibdula mill-imperatur Ġustinjanu fis-6 seklu għal waħda ta’ dimensjoni akbar, li hi dik li nsibu llum. Fil-perjodu tal-Kruċjati (12-il seklu), il-ħitan ġew imżejna b’mużajk prezzjuż miksi bid-deheb u bil-madreperla. Sal-lum wieħed jista’ jara frammenti sħaħ bix-xeni tal-Ġdid Testment (fit-transett, b’iskrizzjonijiet Latini) u rappreżentazzjonijiet simboliċi tal-konċilji ekumeniċi (fin-navati, b’iskrizzjonijiet Griegi). Fuq il-kolonni tan-navi, issib sensiela ta’ medaljuni li juru l-antenati ta’ Ġesù (bil-lingwa latina).

L-iskavi li saru fis-snin 1934-35, mill-gvern mandatorju Ingliż, ġabu fid-dawl diversi fdalijiet tal-paviment mużajkat tal-Bażilika Kostantinjana. Ħafna minnu huwa viżibbli fin-navata, kif ukoll (kappellun tax-xellug) fit-transett tal-Bażilika. Il-Franġiskani, li ilhom jgħammru f’Betleħem mill-1347, għandhom maġenb il-Bażilika tan-Natività l-kunvent u l-Knisja ddedikata lil martri qaddisa Santa Katerina. Il-Knisja ilha teżisti sa mis-seklu 12, u gradwalment ġiet imkabbra. Prinċipalment isservi għall-bżonnijiet tal-komunita’ kattolika tar-rit Latin, u minna wieħed jista’ jinżel għall-grotta ta’ San Ġilormu.

Żmien il-Milied fid-dinja Nisranija

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel indikazzjoni ta' festa tal-Milied insibuha f'Ruma fil-Kalendarju ta' Philocalus tas-sena 354, li jgħid li fil-25 ta' Diċembru, VII kalendas Ianuarii, natus est Christus in Betlehem Iudeae. Jista' jkun li ntagħżel il-25 ta' Diċembru biex titwarrab il-festa pagana tax-xemx bi Kristu, li l-miġja tiegħu hi "bħaż-żjara tax-xemx tielgħa li dawwal il-dawk li jinsabu fid-dlamijiet u dell il-mewt u tmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem" (Luqa 1, 78-79). Fil-bidu, il-festa tal-Milied fil-Punent kienet tinkludi t-tfulija ta' Ġesù, iż-żjara tal-Maġi u l-istraġi tal-innoċenti. Fil-Lvant, iżda, u fi Franza, li mxiet fuq il-Lvant, sal-bidu tar-raba' seklu, insibu biss il-festa tal-Epifanija bl-enfasi fuq it-teofanija, jiġifieri, l-manifestazzjoni ta' Ġesù bħala Alla magħmul bniedem.

Kien lejn tmiem ir-raba' seklu li fil-Punent (fl-Italja, Spanja u l-Afrika ta' Fuq) il-festa tal-Epifanija ġiet mifruda minn dik tal-Milied li, sadanittant, ġiet ukoll introdotta fil-Lvant. Dan minkejja li l-festa tal-Epifanija, hawnhekk, baqgħet tingħata iktar importanza. Minkejja dan, il-Milied, skont kif jikteb Santu Wistin, kien għadu memorja, tifkira, mhux bħall-festa tal-Għid li kienet ikkunsidrata bħala sacramentum, jiġifieri, sinjal tanġibbli ta' realtajiet intanġibbli. Kien lejn tmiem it-tmien seklu li l-Papa Ljun ikkunsidra l-festa tal-Milied bħala sacramentum. Lejn tmiem ir-raba' seklu kienet diġà ssir il-quddiesa tal-Vġili, waqt li fil-ħames seklu kienet issir ukoll il-quddiesa ta' nofs il-lejl fil-Bażilika ta' Santa Maria Maggiore kif kien qed isir f'Betlehem. Iktar tard, fis-seklu sitta, insibu l-Papa jqaddes quddiesa mas-sebħ f'Sant'Anastasja u quddiesa oħra matul il-jum f'San Pietru. Din l-aħħar quddiesa mit-tnax-il seklu 'l quddiem bdiet issir f'Santa Maria Maggiore. Mas-seklu għaxra dawn it-tliet quddisiet bdew isiru fil-knejjes kollha tal-Punent fejn fl-ewwel quddiesa jitħabbar il-messaġġ tat-twelid ta' Ġesù, it-tieni quddiesa tħabbar il-qima li tingħatalu mir-rgħajja, waqt li t-tielet tħabbar li t-tarbija ta' Betlehem hija l-Verb magħmul bniedem.

Tmint ijiem fuq il-Milied, sa min qabel is-sitt seklu kien iddedikat lill-Madonna. Iktar tard ġie ddedikat liċ-ċirkonċiżjoni ta' Ġesù, filwaqt li bir-riforma tal-Konċilju Vatikan II l-1 ta' Jannar huwa ddedikat kemm lill-Maternità Divina tal-Madonna, liċ-ċirkonċiżjoni, u 'l-isem ta' Ġesù, kif ukoll lill-Paċi. Minn tmiem ir-raba' seklu, fl-Ottava tal-Milied nsibu l-festi ta' San Stiefnu, San Ġwann l-Evanġelista u l-Qaddisin Martri Innoċenti. Iktar tard insibu wkoll il-festi ta' San Silvestru papa, San Ġakbu u San Tumas ta' Canterbury. Fil-Lvant, fl-ewwel Ħadd fuq il-Milied, insibu l-festa ta' Marja u San Ġużepp, li 'l-Konċilju Vatikan II ddedikah lis-Sagra Familja.

Bir-riforma tal-Konċilju Vatikan II żmien il-Milied jagħlaq bil-magħmudija tal-Mulej li tiġi Ħadd fuq l-Epifanija fejn insibu s-sejħa tal-ġnus għas-salvazzjoni waqt li mistednin jagħtu qima lill-Mulej. Il-festa tal-magħmudija tal-Mulej hija estensjoni tal-Epifanija jew, aħjar, epifanija oħra għax, fi kliem San Pawl, bid-dehra tal-qawwa ta' Alla fostna aħna l-bnedmin ksibna twelid ġdid u tiġdid fl-Ispirtu s-Santu.

Bħalma l-festi tal-Għid ġew estiżi f'ċiklu li jwassalna kemm sal-Pentekoste u kemm fiż-żmien tar-Randan bħala preparazzjoni għalihom, hekk ukoll il-festi tal-Milied narawhom estiżi f'ċiklu li jagħlaq bil-Magħmudija tal-Mulej u jinkludi wkoll żmien ta' preparazzjoni għalihom, iż-żmien tal-Avvent.

Il-Milied fl-Istorja tad-Dinja

[immodifika | immodifika s-sors]

Ma nafux il-ġurnata, ix-xahar u s-sena meta twieled Ġesù. Il-Kalendarju Gregorjan li d-dinja tal-Punent tuża biex tkejjel iż-żmien, bis-sena kurrenti tissejjaħ 2010 wara Kristu, suppost tgħodd iż-żmien mit-twelid ta' Kristu iżda ċertu Dijonisju l-Qasir, patri tas-sitt seklu ħa żball fil-kalkulazzjoni tiegħu ta' madwar 4 jew 6 snin.

Tul is-snin ġraw diversi avvenimenti marbutin mal-ġrajja tal-Milied. Fil-Milied tas-sena 800, Karlu Manju kien inkurunat l-ewwel Imperatur tal-Imperu Qaddis Ruman minn Papa Ljun III. Fil-Milied tal-1066, William the Conqueror kien inkurunat Re tal-Ingilterra f'Westminster Abbey. Fl-1643 ħaditha isimha Christmas Island, gżira fl-Oċean Indjan li ntlemħet nhar il-Milied ta' dik is-sena mill-Kaptan William Mynors tal-bastiment Royal Mary tal-kumpanija tal-vapuri East India. Fl-1914, matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, is-suldati Ġermaniżi u tal-Alleati riedu josservaw il-Milied u l-messaġġ ta' paċi tiegħu billi waqfu mill-ġlied u saħansitra għamlu ukoll logħba futbol bejniethom. Fil-Milied tal-1939 A Christmas Carol ta' Charles Dickens ixxandar għall-ewwel darba fuq ir-radju, CBS Radio.

Kif jiġi ċċelebrat il-Milied madwar id-dinja

[immodifika | immodifika s-sors]

Betlem tal-lum, belt Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, 8 km 'l isfel minn Ġerusalemm, tkun imżejna bi dwal u dekorazzjonijiet oħra biex jagħtu dehra ta' ferħ lil din il-belt li fiha twieled Ġesù. Ħafna huma l-pellegrini li jżuru din il-belt f'dawn il-granet. F'Lejlet il-Milied il-ftit Insara tal-post (fl-1947 kienu 75% tal-popolazzjoni, fl-1998 niżlu għal 23%), li huma Palestinjani, u l-pellegrini kollha jiffullaw biex jaraw il-purċissjoni drammattizzata li ssir ta' kull sena. Diversi rikkieba fuq iż-żwiemel fosthom pulizija fuq żwiemel ta' razza Għarbija jiftħu l-parata. Warajhom jasal rikkieb waħdu jġorr is-salib. Wara jimxu s-saċerdoti u l-politiċi. Il-Purċissjoni tidħol solennement fil-Knisja tan-Natività fil-Pjazza tal-Maxtura u titqiegħed xbieha antika ta' Ġesù. Taraġ għoli iwasslek f'għar fejn wieħed isib kewkba tal-fidda li timmarka l-post fejn it-tradizzjoni tgħid li twieled Ġesù. Il-ftit djar tal-Insara ikunu mmarkati b'salib fuq il-bieb u kull dar ikollha presepju espost għall-qima. Kewkba kbira tittella' fuq arblu fil-Pjazza tal-Maxtura. Fil-qrib wieħed isib ukoll il-Grotta tal-Ħalib fejn il-Familja Mqaddsa marret tistaħba fil-Ħarba lejn l-Eġittu.

Fil-Knisja ta' Betlem il-Milied ikun iċċelebrat tliet darbiet: Il-Kattoliċi jiċċelebrawh fl-24 ta' Dicembru; il-knejjes Griegi Ortodossi, il-Kopti u s-Sirjani fis-6 ta' Jannar; u l-knisja Armenja fid-19 ta' Jannar.

Meta tqabbilha ma' pajjiżi oħra Ewropej, Malta għadha tiċċelebra Milied Nisrani, minkejja li diversi drawwiet barranin daħlu ukoll. Għal ħafna anzjani, nies ta' mezza età u tfal il-Milied għadu wieħed reliġjuż b'diversi attivitajiet reliġjużi organizzati fl-iskejjel u mis-Soċjetà tal-MUSEUM. Mhux l-istess jista' jingħad għall-ġenerazzjoni żagħżugħa għalkemm numru ta' żgħażagħ imorru l-Quddiesa ta' Nofs il-Lejl tal-Milied.

Kienu d-Dumnikani tal-Belt Valletta li fi żmien il-Kavallieri bdew jagħmlu n-Novena, disat ijiem ta' tħejjija għall-Milied b'Quddiesa kantata kuljum. Wara ħafna żmien bdiet fil-parroċċi mmexxija mil-Kleru Djoċesan. Illum ħafna parroċċi jiċċelebraw in-novena fil-quddiesa ta' filgħaxija bis-sehem tat-tfal tad-duttrina u għaqdiet oħra.

Il-Purċissjoni jew Dimostrazzjoni tal-Bambin

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-qaddis Malti, San Gorg Preca, stinka ħafna biex tinxtered id-devozzjoni lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni. Sa mill-1920 ħa ħsieb li f'kull raħal u belt, lejlet il-Milied, tiġi organizzata “Dimostrazzjoni ad unur ta' Ġesù Bambin”, użanza li daħlet sew fost id-drawwiet sbieħ tal-Milied Malti. Ix-xewqa tiegħu kienet li għall-Milied kull tifel u tifla li kienu jattendu l-M.U.S.E.U.M. jieħdu magħhom id-dar, grotta b'Ġesù Tarbija. Fl-1920, Dun Ġorġ kien ġabar lis-soċji tal-M.U.S.E.U.M. tal-Ħamrun biex jaqsam magħhom xewqa li kellu: li ssir dimostrazzjoni bil-Bambin tal-Milied fejn it-tfal u s-soċji f'lejlet il-Milied joħorġu mat-toroq tal-Ħamrun jgħajtu l-aħbar li Ġesù Bambin twieled għalina. Ix-xewqa tiegħu kienet li dawn joħorġu bħal f'purċissjoni bix-xemgħa f'idejn it-tfal u l-weraq tal-palm u ż-żebbuġ, iduru mat-toroq kollha tal-Ħamrun u jkantaw innijiet tal-Milied. Riedhom ukoll li jgħidu lil xi rġiel biex jiġu jimxu magħhom. Kellhom bżonn Bambin, u dan issellfuh mill-Belt, mill-Knisja tal-Franġiskani.

Minn dakinhar, il-purċissjoni bil-Bambin kibret u xterdet ma' Malta u Għawdex u fl-artijiet l-oħra fejn hemm il-M.U.S.E.U.M.: l-Awstralja, il-Kenja, il-Perù, l-Ingilterra u l-Albanija. Il-qofol tal-purċissjoni hu bambin imdaqqas f'maxtura, bandalora bil-kliem Verbum Dei factum est, fanali tal-mantell biex jagħtu d-dawl u fanali bl-arkett bi kliem relattiv mal-ġrajja tal-Milied. Matul il-purċissjoni x'aktarx li jitkantaw għanjiet tradizzjonali. L-istrumenti kienu, u għadhom jintużaw f'xi nħawi, accordion u vjolini. Il-Purċissjoni tal-Bambin issir f'madwar 66 lokalità f'Malta, fil-parti l-kbira lejlet il-Milied. F'xi postijiet, l-iktar fejn il-MUSEUM, minbarra l-Qasam prinċipali, ikollu fergħa jew tnejn fejn isir it-tagħlim, issir purċissjoni fit-23 ta' Diċembru biex il-membri mill-fergħat differenti fl-istess lokalità jgħinu lil xulxin billi l-purċissjoni titlob ftit xogħol mhux ħażin biex tiġi organizzata.

Għanjiet Maltin tal-Milied
[immodifika | immodifika s-sors]
Ninni La Tibkix Iżjed
[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Benniena ta' Ġesù Bambin jew, kif inhi magħrufa, in-'Ninni la Tibkix Iżjed', hija għanja mill-aktar magħrufa fost il-Maltin. Inkitbet fl-1846 mill-patri Ġiżwita Indri Schembri. Meta kitibha, dal-patri minn Ħal Luqa kien f'Alġeri u kitibha għal dawk il-Maltin li kienu emigraw lejn Tuneż. Saret popolari mindu bdiet titkanta fil-purċissjonijiet tal-Milied. Ta' min jgħid li n-'Ninni' anke nqalbet bit-Taljan u titkanta fl-Italja.


"Ninni la tibkix iżjed

ninni Ġesù Bambin

Ħallih għalina l-biki

għax aħna midinbin."

Ninu Ninu tal-Milied
[immodifika | immodifika s-sors]

Taqbila popolari ħafna tat-tfal li saret għanja.


"Ninu Ninu tal-Milied,

Ommu għamlet il-qagħqiet.

Il-qagħqiet tal-qastanija,

Santu Rokku bit-tiġrija.

Għaddew il-Festi kollha,

Baqa’ biss Santa Marija."

O Ġesù Ħelwa Tarbija
[immodifika | immodifika s-sors]

Għanja fuq melodija Maltija miktuba minn Ġ.Mallia


"O Ġesù ħelwa tarbija

Ejja twieled ġewwa fija

Ġesù tfajjel, frott l-imħabba

Twieled f’qalbi, miegħi trabba."

Presepji, grotti u bambini

[immodifika | immodifika s-sors]

L-eqdem presepju f'Malta kien inħadem fil-kunvent tal-patrijiet Dumnikani fir-Rabat fl-1617. Fil-monasteru tas-sorijiet Benedittini fl-Imdina għadna nistgħu naraw presepju li sar fl-1826. F'dan l-istess żmien inħadem l-ewwel presepju mekkanizzat f'Malta. Sar minn Antonio Muscat Fenech f'Ħal Qormi, u kien jitħaddem bit-taqtir tal-ilma. L-istil tal-presepju Malti ori[ina mill-istil Sqalli iżda matul iż-żmien inbidel. Fil-bidu l-pasturi kienu tat-tafal u mlibbsin id-drapp waqt li l-presepju nnifsu kien tal-gagazza jew tal-ġebel. Illum jintużaw pasturi magħmulin mill-plastik u huma artistiċi ħafna. Il-presepji magħmulin bil-karta pesta huma tant realistiċi u apprezzati.

Fi żmien l-Ingliżi, il-presepji minbarra l-kartapesta bdiet tintuża il-gagazza, faħam maħruq u materjal ieħor. Il-pasturi, minbarra l-Bambin, Marija u San Ġużepp kien ikun hemm ħafna oħrajn li jirrappreżentaw il-ħajja Maltija speċjalment tal-irħula. Fost il-persunaġġi kienu jdaħħlu: l-għannej, in-nissieġ, il-bidwi, taż-żaqq, tat-tanbur, taż-żavżava, is-sajjied, l-imgħaġġeb, tal-forn, ir-rieqed u oħrajn mill-ħajja maltija. F'dak iż-żmien daħlu pasturi magħmula mit-tafal u anke tax-xemgħa; f'dawn l-aħħar snin daħlu tal-plastika u materjal ieħor.

Bħala devot kbir tal-Misteru tal-Inkarnazzjoni Dun Ġorġ Preca kellu mħabba kbira lejn il-presepju. Kull Milied huwa kien jarma f'kamartu presepju mdaqqas biex jimmedita quddiemu. Dun Ġorġ anki ried li, permezz tat-tfal li jattendu l-Oqsma tal-Museum, idaħħal id-drawwa tal-Presepju fost ħafna familji Maltin għax kien irid li s-soċji tiegħu jagħtu lit-tfal kollha qrib il-Milied presepju jew grotta bil-Bambin.

Illum il-presepju huwa tant popolari f'Malta li anke jsiru kompetizzjonijiet għall-isbaħ presepji. L-Għaqda ħbieb tal-Presepju tara li din id-drawwa tal-presepju tkompli tfakkarna fit-twelid ta' Ġesù.

Il-Prietka tat-Tifel

[immodifika | immodifika s-sors]

Din id-drawwa bdiet fis-seklu 19. Fl-1883 it-tfajjel, Ġorġ Sapiano, kien għamel il-prietka tal-Milied fil-knisja parrokkjali ta' Ħal Luqa. Fl-imgħoddi, it-tifel kien joħroġ minn wara l-altar il-maġġur jew mis-sagristija akkumpanjat minn żewġ abbatini. Kien isellem is-sagrament u liċ-ċelebrant u wara jitla' fuq il-pulptu. L-abbatini ikollhom gandlier bix-xemgħa tixgħel. Meta jitla' fuq il-pulptu minn wara jitla' min għallem il-priedka u joqgħod fuq it-tarag biex jekk dan it-tifel jinsa xi ħaġa jgħidilu fil-pront. Meta t-tifel jasal fuq il-pulptu jsellem lil dawk preżenti u jibda bil-kliem b'ilsien Latin. Dejjem l-istess frażi: Annuntio Vobis Gaudium Magnun, li tfisser 'Se nagħtikom aħbar ta' ferħ kbir.' Ix-xjuħ tal-lokalità kienu jkunu fuq ix-xwiek biex jisimgħu din il-priedka. Anke l-familjari tat-tifel ikollhom ċertu ħerqa għal din il-priedka. Bħal dejjem in-nies preżenti mat-tmiem tal-priedka jkollhom kliem ta' tifħir bħal 'prosit', 'kemm kellu jistudja miskin!', 'Alla jbierek ftakar kollox', 'kemm kien ħelu'. Iżda l-aktar ħaġa li jgħidu hi 'prosit'. Is-skiet jispiċċa u għal ftit in-nies tkun trid qisu waqfa mill-quddiesa biex tgħid kelma. Hemm drawwa, għall inqas f'ċertu parroċċi, li wara l-priedka u l-quddiesa ta' nofs il-lejl it-tifel jissejjaħ mill-kappillan u jiġi mogħti rigal speċjali.

Il-Barka tal-Papa bil-Malti

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar il-Milied filgħodu, ħafna Maltin bħal miljuni oħra madwar id-dinja, isegwu l-Barka Urbi et Orbi li l-Papa jagħti lin-nazzjonijiet kollha. Din il-barka bdiet tiġbed iktar interess mill-Milied tal-1980 'l hawn għax minn dik is-sena l-Papa Ġwanni Pawlu II beda jagħti l-awguri tiegħu ukoll bl-ilsien Malti. L-istazzjonijiet televiżivi ewlenin Maltin kollha jxandru dirett it-trażmissjoni tal-Barka minn Pjazza San Pietru fil-Vatikan.

Ikel Tradizzjonali Malti tal-Milied

[immodifika | immodifika s-sors]

Għall-Milied, il-familji Maltin jinġabru u jippreparaw ikel ftit jew wisq differenti mis-soltu. Qabel, kien ikun hemm l-imqarrun il-forn, il-pastizzi u l-qassatat u l-qagħaq tal-għasel. Popolari kienu ukoll il-qastan, l-imbuljuta (xarba magħmula mill-qastan), u l-ixkumvat (qisu spagetti moqli u miksi biz-zokkor). Illum l-iktar ikla popolari tal-Milied hija d-dundjan jew serduk il-forn u l-pudina tal-Milied.

Ix-xarba tal-imbuljuta tista’ tgħid li hi xarba Maltija. Din kienet l-aktar tiġi offruta wara l-quddies ta’ nofs il-lejl, fejn il-familji kienu jirritornaw id-dar wara l-quddies u f’dak il-lelj ta’ ksieħ kienu jissaħħnu b’kikkra imbuljuta. Il-kokkodina, il-qastan, l-imsiefer tal-qronfol, iz-zokk tal-kannella u l-qoxra tal-mandolina huma l-ingredjenti prinċipali. Għaliex m’għandniex indaħħluha aktar f’okkażjonijiet tal-Milied. Qegħdin jidhru bosta avviżi għal diversi attivitajiet u meta tara dak offrut, l-imbuljuta ma ssibhiex; anzi tiġi offrut xarbiet oħrajn li tradizzjonalment ssibhom f’pajjiżi oħrajn.

L-ewwel presepju kien presepju ħaj. L-idea ġiet lil San Franġisk t'Assisi li ried iqajjem aktar id-devozzjoni lejn Ġesu' mwieled tarbija u jfakkar lin-nies il-ġrajja tal-ewwel Milied. Dan għamlu fir-raħal ckejken ta' Greccio fl-1223. Sab stalla u ppreparaha u daħħal fiha baqra u ħmara. Imbagħad bdew ġejjin il-patrijiet, ikantaw bħalma kien qalilhom San Franġisk minn qabel. Wara ġew in-nies iġorru x-xemgħat. U fi ftit ħin il-bosk fejn kienu mtela dawl u kant sabiħ tal-Milied. Saret quddiesa sabiħa u fiha San Franġisk qralhom l-episodju tat-twelid ta' Ġesù. Imbagħad kellimhom fuq kif dan ir-re tar-rejiet twieled fqir u fuq kif Alla jsejħilna għall-imħabba. L-istorja tgħid li fil-maxtura vojta dehret tarbija tat-twelid b'mod mirakoluż, u San Franġisk refagħha u wrieha lin-nies.

Tradizzjoni sabiħa imma li sfortunatament qiegħda tintilef hija dik tal-“Piferari” li jinżlu mill-għoljiet tal-Abruzzo u Lazjo jdoqqu ċ-ċirimelli fil-pjazez quddiem xi xena tal-Milied, biex iħabbru li żmien il-ferħ qiegħed fil-qrib.

Il-Panettone, il-Pandoro u t-Torrone

[immodifika | immodifika s-sors]

Kejk tradizzjonali tal-Milied Taljan huwa l-Panettone, kejk ħafif mimli frott u sultana. Dan it-tip ta’ ħobż ħelu b’forma ta’ koppla, b’għoli ta’ madwar 15cm u ġeneralment ikun jiżen kilo’ oriġina f’Milan (bid-djalett Milanese jissejjaħ panaton) u huwa wieħed mis-simboli ta’ din il-belt. Kmieni fis-seklu 20, żewġ furnara minn Milan bdew jipproduċu l-panet­tone fi kwantitajiet kbar għall-bqija tal-Italja. Fl-1919, Angelo Motta ġab rivoluzzjoni fil-panettone tradizzjonali billi tagħha l-forma li nafu llum kif ukoll ħalla l-għaġina togħla ghal tliet darbiet, jew kważi 20 siegħa, qabel ma dan jiġi msajjar.

Il-Pandoro (pan d'oro) huwa ħobż ħelu, li ġej minn Verona, f'forma ta' frustum bi stilla ta' tmien ponot. Ħafna drabi jkollu l-icing sugar biex ikun jixbah il-qċaċet bis-silġ tal-Milied. Ħelu ieħor Taljan huwa t-Torrone li hu speċi ta' qubbajd artab mimli lewż, għasel u zokkor.

Tu Scendi Dalle Stelle

[immodifika | immodifika s-sors]

Tu Scendi Dalle Stelle hija l-iktar għanja magħrufa tal-Milied li ħarġet mill-Italja. Hija magħrufa wkoll Malta. Tradizzjonalment kienet tindaqq biz-zampogna, iż-żaqq jew bagpipe Taljana. Il-melodija u l-kliem huma ta' San Alfons Maria de Liguori, qassis Naplitan famuż, fundatur tar-Redentoristi, li kitibha fl-1744, fil-Kunvent tal-Konsolazzjoni, f'Deliceto fil-provinċja ta' Foggia fl-Italja t'Isfel. L-għanja tibda bil-kliem "Ħallejt O Alla s-sema" o oriġinarjament semmieha "Quanne nascette Ninno" (Meta twieldet it-tarbija).

Fil-Pajjiżi Skandinavi u Nordiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Hafna Finlandizi jiddeciedu li jmorru f'xi sauna lejlet il-Milied. Il-familji jingabru flimkien u joqoghdu jisimghu r-radju fejn tigi trażmessa 'Peace of Christmas'. Hafna jzuru c-cimiterji biex jittawlu lill-familjari mejtin.

In-Norveġja huwa l-post tat-twelid taz-zokk popolari hafna matul il-Milied imsemmi 'Yule log'. Fl-antik kienu juzaw dan iz-zokk fic-celebrazzjoni tar-ritorn tax-xemx fis-solstizju tax-xitwa. Il-kelma 'Yule' gejja mill-kelma Norvegiza 'hweol', li tfisser 'rota'. In-Norvegizi kienu jemmnu li x-xemx kienet rota kbira ta' nar li kienet iddur lejn u 'l boghod mid-dinja. Qatt hsibt ghalfejn il-fireplace jidher hafna bhala c-centru ta' xi xena tal-Milied? Din it-tradizzjoni tmur lura ghall-Yule log Norvegiz. Probabbilment huwa responsabbli ukoll ghall-popolarità tal-gobon, kejkijiet, u dezerti forma ta' zokk matul dawn il-festi.

Id-dekorazzjonijiet mas-siġar magħrufa bħala 'evergreen' minn dejjem kienu parti mit-tradizzjoni tas-solstizju tax-xitwa fil-Ġermanja. Is-siġar tal-Milied li ssib imżejnin f'dan iż-żmien tas-sena jvarjaw minn siġar tal-prinjol fil-pajjiżi tas-silġ sa siġar tal-palm fil-pajjiżi tas-sħana. Din it-tradizzjoni bdiet ħafna sekli ilu fil-Ġermanja.

Is-Siġra tal-Milied
[immodifika | immodifika s-sors]

Is-siġra tal-Milied hi waħda mill-aktar drawwiet popolari tal-Milied. Illum, fl-Istati Uniti biss, kull sena jinxtraw u jiżżejnu bejn 35 u 40 miljun sigra hajja.

Fil-Ġermanja, fit-tmien seklu wara Kristu, proprju lejlet il-Milied, il-patri missjunarju Ingliż San Bonifaċju sejjaħ madwaru lil dawk in-nies li kienu tgħammdu u kkonvertew. Talabhom biex f'din il-ġurnata speċjali, lejlet it-twelid ta' Ġesu', jaqtgħu is-siġra kbira tal-ballut li qabel taħtha kienu jagħmlu s-sagrifiċċji umani lill-allat foloz. Dan kellhom jagħmluh biex juru kemm vera saru jemmnu f'Ġesu'. Waqt li s-siġra kienet nieżla, inqasmet f'erbgħa biċċiet u f'nofsha dehret tikber siġra żgħira tal-prinjol. San Bonifaċju ħajjarhom jieħdu dik is-siġra bħala simbolu tat-twemmin ġdid tagħhom għax kienet siġra li tipponta 'l fuq lejn is-sema u għax tħaddar is-sena kollha, donnha simbolu tal-ħajja ta' dejjem. Ukoll hija simbolu tal-qawwa għaliex minkejja l-maltemp u l-ksieħ li jaħkmu fuqha fix-xitwa, is-siġra tal-prinjol tibqa' tgħix u tikber.

L-aktar taghrif storiku bikri li nsibu fuqha jmur lura ghall-1521 u jirreferi ghal sigra hajja li zzejnet (minghajr dwal) fir-regjun Germaniz ta' Alsace. Taghrif iehor isemmi kif fi Strasbourg fl-1605 in-nies fil-Milied qatghu sigar taz-znuber u zejnuhom b'ward tal-karti, tuffieh, ostji u helu. L-ewwel referenza ghal sigra tal-Milied imzejna bid-dawl tax-xemgha nsibuha fis-seklu 17. Minn nofs is-seklu 17 'il quddiem, is-sigra tal-Milied ziedet fil-popolarità bil-mod il-mod. Izda kien fil-bidu tas-seklu 19 li mill-Germanja nfirxet lejn pajjizi ohra. Hu mahsub li s-sigra tal-Milied giet introdotta fi Franza fl-1837, meta l-Principessa Helen ta' Mecklenburg hadet wahda f'Parigi wara li zzewget lid-Duka ta' Orleans. Fl-Ingilterra l-ewwel sigra fegget fl-1841, meta l-Princep Albert, ir-ragel tar-regina Vittorja, zejjen wahda fil-Kastell ta' Windsor. Kien f'dan iz-zmien li s-sigra dahlet ukoll f'Malta, li kienet kolonja Ingliza.

Izda minn fejn giet l-idea li sigra tissimbolizza t-tifsira tal-Milied? Is-sigar li jhaddru matul is-sena kollha ilhom jissimbolizzaw it-twelid mill-gdid minn zminijiet imbieghda. F'diversi kulturi dawn is-sigar fid-djar, specjalment fi zmien is-solstizju tax-xitwa, kienu simbolu tal-hajja. Aktar tard, fiz-Zminijiet tan-Nofs, fl-Ewropa kienu jsiru recti fil-berah u fil-knejjes li wahda minnhom kienet dwar Adam u Eva, id-dnub li ghamlu u t-tkeccija taghhom mill-Gnien ta' l-Eden. F'din ir-recta l-uniku oggett fuq il-palk kienet sigra taz-znuber imzejna bit-tuffieh. Fis-seklu 15 il-Knisja pprojbiet dawn ir-recti izda n-nies tant kienu dwar is-sigra li bdew ipoggu wahda fid-dar taghhom fl-24 ta' Dicembru – il-jum li jfakkar lil Adam u Eva fil-Knisja tal-Lvant. Jidher li s-sigra tal-Milied li nuzaw illum gejja minn din id-drawwa. Is-sigra li kienet tfakkar lil Adam u Eva kienet tissimbolizza kemm sigra tad-dnub kif ukoll sigra tal-hajja. Ghal din ir-raguni, in-nies kienu jzejnuha bit-tuffieh, bhala sinjal tal-frott tad-dnub, u bl-ostji, bhala sinjal tal-hajja. Aktar tard zdied il-helu bhala tizjin fuq is-sigra.

Kien fl-1848 li l-ewwel gazzetta Amerikana uriet stampa tas-sigra tal-Milied u t-tradizzjoni griet kwazi f'kull dar fi zmien ftit snin.

O Lejl ta' Skiet
[immodifika | immodifika s-sors]

Fost l-aktar għanjiet popolari Ġermaniżi nsibu 'O Lejl tas-Skiet', bil-Ġermaniż Stille Nacht, heilige Nacht. Din l-għanja nkitbet l-ewwel f'forma ta' poeżija minn Joseph Mohr, fl-1816. Joseph kien saċerdot fil-knisja ta' Obendorf fl-Awstrija. Lejlet il-Milied, l-24 ta' Diċembru ta' l-1818, Joseph ta din il-poeżija lill-ħabib tiegħu Franz Gruber, li kien l-organista tal-istess knisja u surmast ta' skola, biex jikkomponi l-mużika. Franz kiteb il-mużika għaliha fi ftit ħin u laħaq lestieha biex tindaqq u titkanta fil-quddiesa ta' nofs il-lejl dakinhar stess.

Dan il-kejk jaf il-bidu tiegħu fl-1330 fi Dresden il-Ġermanja. Kellhom jgħaddu 100 sena biex infirxet il-popolarità tiegħu u sar magħruf bħala “Christ’s Christmas Bread”. Dan kien inbiegħ fl-eqdem Suq tal-Milied fi Striezel il-Ġermanja, fejn għadek issibu sal-lum fis-swieq kollha tal-Milied fil-Ġermanja. Fl-1560 kienu ġew ppreżentati żewġ kejkijiet Stollen lis-Sindku b’piż rekord ta’ 18-il kilo. Però dan ir-rekord inkiser minn August the Powerful fejn fl-1730 ordna Stollen ta’ 1.8 tu­nellata għal okkażjoni ta’ 24,000 persuna. Fis-17-il seklu kien diffiċli li tagħmel dan il-kejk għar-raġuni li l-Knisja Kattolika ibbanjat l-użu tal-ħalib u butir fil-kej­kijiet. Kienu l-aħwa Kurfurst li fl-1647 bagħtu petizzjoni lill-Papa biex jikkonsidra din id-direttiva. Mal-petizzjoni, l-Papa rċieva wkoll kejk Stollen bħala kumplament u t-talba intlaqgħet bil-kundizzjoni li titħallas taxxa lill-Knisja mill-bejgħ ta’ dan il-kejk. L-oriġinalità tiegħu tibqa’ fi Dresden u hemm biss 150 dul­ċier liċenzjati biex jipproduċuh. Il-forma oriġinarjament kienet tirrappreżenta tarbija fil-fisqija, iżda biż-żmien ipparagunaw il-forma ma’ mina ta’ miniera u kienu l-istess ħaddiema li tawh l-isem Stollen.

L-ewwel kartolina tal-Milied li qatt saret kien iddisinjaha l-pittur Ingliż magħruf John Callcott Horsley. Kien Sir Henry Cole li talbu jiddisinjalu kartolina f'Diċembru ta' l-1843. Dak iż-żmien minflok kartolini kienu jibagħtu ittri twal bl-awguri tal-Milied. Iżda Sir Henry ma tantx kellu ċans joqgħod jikteb fit-tul minħabba x-xogħol importanti li kellu ta' direttur. Għalhekk talab lil Horsley joħloq kartolina b'messaġġ sempliċi fuqha. Dan pinġa familja qiegħda tiekol l-ikla tal-Milied flimkien u s-sentenza sempliċi: 'A Merry Christmas and a Happy New Year to You'. L-idea ntgħoġbot. Bdew jistampaw bħalha fuq kartun 12.6 ċentimetri tul bi 8 ċentimetri wisa'. Il-kuluri kienu jinżebgħu bl-idejn. Dan kien fl-1843. Sa sitt snin wara, fl-1850, il-proċess tal-istampar kien tant żviluppa li dawn il-kartolini setgħu jiġu stampati bl-irħis u bil-kulur, u saru popolari ħafna. Wara biss erbgħin sena li nħolqot l-ewwel kartolina tal-Milied, fl-Ingilterra tant kienu qed jibagħtu kartolini li fl-1880 il-posta Ingliża ħarġet għall-ewwel darba l-avviż: 'Post early for Christmas'. Matul l-istess zmien, bdew isiru kartolini simili minn R.H. Pease, l-ewwel Amerikan li beda jaghmel il-kartolini, fl-Albanija, New York, u Louis Prang, Germaniz li emigra lejn l-Amerika fl-1850.

Viskju jew Mistletoe
[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tewtoniċi u ċ-Ċeltiċi kienu jqisu l-viskju bħala pjanta b'qawwiet maġiċi, bħala kura għall-feriti u għall-fertilità. Iċ-Ċeltiċi kienu jdendlu l-viskju fid-djar tagħhom għax-xorti tajba u biex ikeċċu l-ispirti ħżiena. Matul il-ġranet tal-Milied fl-era Vittorjana, l-Ingliżi kienu jdendlu z-zkuk tal-viskju mis-saqaf għal isfel u fl-entraturi. Tnejn min-nies li jinzertaw taħt il-viskju, riedu jbusu lil xulxin, imġiba mhux daqstant komuni fis-soċjetà Vittorjana. Din it-tradizzjoni jista' jkun għandha oriġini Skandinava.

Il-Pudina tal-Milied u l-Kejk tal-Milied
[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pudina tal-Milied hija ikla tradizzjonali Ingliża li tmur lura ghall-Medju Evu. Id-dqiq, iz-zokkor, iż-żbib, il-lewż, xaħam u l-ħwawar jitpoġġew f'biċċa drapp u jitgħallew sakemm l-ingredjenti jintefħu ħafna, u jikbru tant li jimlew id-drapp. Imbagħad tinfetaħ, u tiġi mqatta' bħal kejk, bil-krema fil-wiċċ.Fil-Medjuevu din kienet magħrufa bħala mince pie u tisserva bħala ikla magħmula mil-laħam tat-tjur u fniek. Wara bdiet tiġi magħ­mula minn ingredjenti imqatta’ (minced), fosthom tuffieħ, ċirasa, qxur tal-larinġ u l-lumi, passolina, sultana, pruna, xorb u zokkor. Fl-1664 il-Puritani kienu jikkundannaw lil dawk il-Kattoliċi meta jieklu din il-pudina, ghax kienu jqisuha bħala deżerta rikka u tqanqallek xewqa sesswali.

Huwa rakkomandat li l-in­gredjenti jitħallew jimmarinaw fil-brandy jew cider għal żmien twil biex toħroġ aktar it-togħma. Pudina li tissajjar ‘steamed’, tieħu madwar tmien sigħat biex issir.Użanzi antiki kienu jiġu applikati billi l-pudina jkollha 13-il ingredjent li jirrappreżentaw lil Ġesù t-12-il appostlu. Kull membru tal-familja għandu, b’imgħarfa tal-injam, iħawwad l-ingredjenti fl-iskutella fid-direzzjoni mil-lvant għall-Punent li tirrappreżenta t-triq li ħadu t-Tliet Slaten Maġi sa ma waslu fl-għar ta’ Betlem. Titbexxex bil-brandy u tingħata n-nar biex tfakkarna fil-passjoni ta’ Ġesù u l-holly fuq il-pudina tirrappreżenta l-kuruna tax-xewk. Jitpoġġew ukoll munita mat-taħlita għal xorti tajba. Dik il-persuna li tinzertalha l-munita fil-porzjon tagħha tgawdi saħħa, kuntentizza u gwadann ta’ flus. L-akbar pudina li qatt issajret kienet tiżen 7,231 libbra magħmula f’Lancashire l-Ingilterra f’Lulju 1992.

Il-Kejk tal-Milied (Christmas Cake) hu tip ta’ kejk tal-frott li nsibu l-oriġini tiegħu fl-Ingilterra u bħal ikel u ħelu ieħor, maż-żmien ġie introdott fl-Irlanda, l-Iskozja, il-pajjiżi kollha tal-Commonwealth fosthom Malta, kif ukoll fil-Ġappun u l-Filippini. Dan il-kejk jista’ jkun ċar, skur jew morbidu skont l-ingredjenti u l-metodu, forma baxxa, għolja, kwadra, tonda jew ovali, jinkesa bil-marzipan u ġelu u ddekorat b’disinji u simboli konnessi mal-Milied.

Wieħed mill-favoriti fost il-ħafna hemm dak tradizzjonalment Skoċċiż magħruf bħala Whisky Dundee. L-isem ngħata proprju għall-belt ta’ Dundee fejn oriġina u m’għandux jon­qos li fost l-ingredjenti hemm il-whisky. Dan il-kejk hu morbidu u bi ftit passolina, żbib, sultana u ċirasa. Hu ideali għal dawk li ma jħobbux kejk bi kwantità ta’ frott. Anke fit-taħli­ta tal-kejk kienu okkażjonalment jitpoġġew muniti bħal pudina tal-Milied. Ġeneralment kienu muniti ta’ tliet soldi tal-fidda jew sikxpens.

Fil-Ġappun, dan il-kejk jittiekel lejlet il-Milied. Għall-kuntrarju dan jikkonsisti fi sponge kejk bil-whipped cream u dekorat bil-frawli u ċikkulata. Fil-Filippini, il-kejk tal-Milied huma sofor minħabba l-ingredjenti wżati miżjudin bil-lewż. Il-kejk jixxarrab bil-brandy jew rum flimkien mal-ġulep taz-zokkor. Jista’ jintuża wkoll xi liquor. Dan il-kejk jibqa’ frisk u jkun jista’ jittiekel wara xhur.

Carol Singing
[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Carol singing nistgħu ngħidu li beda fl-Ingilterra. Il-mużiċisti kienu joqogħdu jduru minn raħal għal ieħor u jżuru l-kastelli u d-djar tas-sinjuri. Bħala ringrazzjament huma kienu jistennew li jingħataw il-flus jew ikla sħuna. Fost l-iktar għanjiet Ingliżi magħrufin insibu Away in a manger, Deck the Halls, Ding Dong Merrily on High, The First Nowell, God rest ye Merry Gentleman, Good King Wenceslas, Hark the Herald Angels Sing, Jingle Bells, Joy to the World, u The Little Drummer Boy.

Il-Kalzetta mas-Sodda
[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-Istati Uniti u fl-Ingilterra, it-tfal idendlu l-kalzetta mas-sodda jew vicin il-fireplace lejlet il-Milied, u jistennew li timtela bil-helu filwaqt li jkunu reqdin. Fl-Iskandinavja, it-tfal ihallu z-zarbuna fuq il-fireplace bl-istess hsieb. Din it-tradizzjoni tmur lura ghal-leggendi fuq San Nikola. Wahda mil-leggendi tirrakonta l-istorja fuq tlett ibniet foqra li ma setghux jizzewgu ghaliex ma kellhomx flus. Biex ma jigux mibjugha minn missierhom, San Nikola halla l-muniti tad-deheb lil kull wahda minnhom. Wahda mill-muniti nizlet mic-cumnija ghal go zarbuna ta' wahda minnhom. Ohra giet f'tieqa u go par kalzetti li kienu mdendla vi- cin in-nar biex jinxfu.

F'Pajjiżi oħra

[immodifika | immodifika s-sors]

Fi Franza, il-Milied jissejjah 'Noel'. Din il-kelma gejja mill-frazi Franciza les bonnes nouvelles, li tfisser 'l-ahbar it-tajba'.

Christmas Log
[immodifika | immodifika s-sors]

Popolari ħafna fi Franza dan il-ħelu li nxtered ukoll ma’ pajjiżi oħrajn. Magħruf bħala Buche de Noel jirrappreżenta zokk ta’ siġra fejn fl-imgħoddi kienu jinħarqu zkuk kbar tas-siġar fil-lejl tal-Milied li kienu jirrappreżentaw il-komfort tas-sħana u dawl – simboli tat-twelid tal-Bambin. Din hi deżerta tradizzjonali għall-Milied. Magħ­mula minn sponge safrani forma ta’ zokk ta’ siġra u hemm bosta varjazzjonijiet ta’ għamla u dekorazzjoni. Miksija biċ-ċikkulata u l-istess kisi mibrux b’furketta ħalli jagħti d-dehra tal-qoxra taz-zokk. Im­ferrex ukoll fuqha icing sugar għad-dehra tas-snow u anke ċirasa.

Fil-Greċja, ħafna jemmnu fil-kallikantzeri, goblins (ħlejjaq ċkejknin tal-ħrejjef) li suppost jikkawżaw il-ħsara matul it-12-il ġurnata ta' qabel il-Milied. Hawnhekk normalment ir-rigali jingħataw fl-ewwel tas-sena.

Fl-Awstralja, din il-festa tigi f'nofs is-sajf u hafna drabi t-temperatura f'certi partijiet fl-Awstralja titla' ghal aktar minn 100 °F f'jum il-Milied. Matul dan l-istagun shun u xemxi fl-Awstralja, huwa komuni hafna li n-nies imorru l-bahar u jaghmlu l-barbikjus. Ic-celebrazzjonijiet tradizzjonali f'jum il-Milied jinkludu festi tal-familja, rigali u#jew xi ikla shuna bis-serduk, majjal jew hut tal-bahar jew kif digà ghidna barbecues.

L-Ukraini jippreparaw ikla kbira bi tnax-il platt. It-tifel iż-żgħir ta' kull familja joqgħod fit-tieqa jittawwal biex jara l-istilla tal-Milied, sinjal li l-festa tista' tibda.

L-iktar għanja tal-Milied Ukraina famuża hija Carol of the Bells miktuba mill-kompożitur Ukrain Mykola Dmytrovych Leontovych, u ndaqqet għall-ewwel darba f'Diċembru 1916 minn kor studenti tal-Università ta' Kiev.

Ħafna mit-tradizzjonijiet tal-Milied fil-Kanada huma simili ħafna ta' dawk prattikati fl-Amerika. Fit-tramuntana tal-pajjiż, l-Eskimos jiċċelebraw festa xitwija msejħa sinck tuck, fejn isiru diversi festini biż-żfin u jingħataw ir-rigali.

Fil-Messiku, skulturi tal-paper mache msejħa pinatas jiġu mimlija bil-ħelu u muniti u jiġu mdendla mis-saqaf. Imbagħad it-tfal, wieħed wara l-ieħor jagħtu daqqa lill-pinata sakemm tinkiser, u jinżlu xebgħa ħelu u flus fl-art, u mbagħad it-tfal tarahom jinżlu jiġru fl-art biex jiġbru kemm jifilħu ħelu.

Il-ponsjetta, li l-isem botaniku tagħha hu Euphorbia pulcherrima ġejja mill-Messiku. Il-kelma pulcherrima tfisser l-iżjed sabiħa. Din kienet pjanta importanti għall-Azteki u kienu jużawha bħala mediċinali. Kienet importanti wkoll fiċ-Ċili u l-Peru. Skont leġġenda Messikana tas-seklu 16, Pepita, kienet tifla ċkejkna Messikana, fqira ħafna tant li ma kellhiex flus biex tixtri rigal biex tieħdu l-Knisja bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tat-twelid ta' Ġesù. Fi triqitha lit-tifla dehrilha anġlu li talabha tiġbor ftit ħaxix selvaġġ mit-triq u tpoġġih quddiem l-altar tal-knisja. It-tifla hekk għamlet u f'daqqa waħda minn fost iż-żbul beda jwarrad fjur ħamrani bellusi. Minn dak in-nhar il-Messikani bdew isejħu lil dawn il-fjuri Flores de Noches Buena jiġifieri'Fjur tal-lejl Qaddis'. Fis-seklu 17 il-patrijiet Franġiskani tal-Messiku bdew jużaw dawn il-pjanti fit-tiżjin tal-Milied.

Fl-1828, l-Ambaxxatur Amerikan għall-Messiku, Joel R. Poinsett, dilettant tal-botanika, ħa pjanta ħamra u ħadra mill-Messiku għall-Amerika. Minħabba li l-kuluri tagħha dehru perfetti għal din il-festa ġdida, din il-pjanta, li ssemmiet ponsjetta għal Poinsett, bdiet tidher fis-serer mis-snin 1830. Fl-1870, il-ħwienet fi New York bdew ibigħuhom ukoll matul il-Milied. Sas-sena 1900, saru simbolu universali ta' din il-festa.Il-popolarità ta' din il-pjanta kompliet tikber tant li fl-Istati Uniti biż-żmien ħolqulha wkoll jum nazzjonali – it-12 ta' Diċembru, jum il-mewt ta' Poinsett.

Ikel Tradizzjonali tal-Milied

[immodifika | immodifika s-sors]

L-aktar ikla tradizzjonali u komuni tibqa’ dik tad-dundjan mimli u msajjar fil-forn, fejn hawn pajjiżi li jsajjruh biss għal żmien il-Milied. Ħelu li wkoll issibu mxerred f’bosta pajjiżi hu l-kejk tal-Milied, il-Pudina tal-Milied u l-gallettini tal-ġinġer. Apparti t-tip ta’ xorb li wieħed jikkonsma kuljum matul is-sena, huwa l-inbid sħun (mulled wine) li jikkomplimenta ħafna għal dan iż-żmien ta’ kesħa.

l-aktar ikla popolari għal żmien il-Milied hu d-dundjan il-forn. Filwaqt li dan id-dixx jissajjar f’bosta pajjiżi madwar id-dinja, dan jaf il-bidu tiegħu fl-Amerika. Kien meqjus bħala tajra selvaġġa u tgħix fil-konfini bejn l-Amerika u l-Messiku. Biż-żmien dan l-ispeċi ħa post il-wizz, li kien dixx popolari ħafna fl-Amerika. Id-dundjan jissajjar fil-forn u bħal tjur oħrajn id-dundjan kien u għadu jimtela b’bosta ikel ie­ħor bħal ħobż, ħwawar, ċanga mqatta’, qastan, qara bagħli eċċ. Kien fl-1523 meta din it-tajra waslet fl-Ewropa, proprju fi Spanja minn xi vjaġġaturi. Minn hemm imbagħad dan id-dixx specjali tal-Milied inxtered ma’ bosta pajjiżi oħrajn Ewropej u l-ikla tad-dundjan hi sinonima mal-ikliet tal-Milied.

Hemm pajjiżi fejn iżom­mu t-tradizzjonijiet tagħhom. Eżempju żgħir hu l-Portugall. Dan il-pajjiż hu rinomat għall-platti varji fir-riċetti tal-bakkal­jaw. Fil-fatt jgħidu li għandhom 365 riċetti – waħda kuljum għal matul is-sena. Però dik ta’ Leljet il-Milied tissajjar biss f’dak il-jum.

L-Iżvezja għandhom is-Smorgasbord li tikkonsisti f’ikla buffet b’varjazzjoni kbira ta’ ikel. Fi Franza nsibu varjazzjoni ta’ ikliet għal żmien il-Milied, jiddependi mir-reġjun.

Però l-aktar popolari hi dik fir-reġjun Ile de France fejn tinsab Pariġi, li tikkonsisti fi platti rikki ta’ frott tal-baħar.

Spanja wkoll għandha t-tradizzjonijiet tagħha billi f’lejlet il-Milied, wara l-quddies ta’ filgħaxija (mhux bħal tagħna f’nofs il-lejl) jiċċelebraw ’l hekk magħruf bħala La Noche Buena. Ikla abbondanti b’ikel varjat bejn il-familji miġburin flimkien. Din l-użanza ssir f’pajjiżi oħrajn fosthom Kuba, il-Filippini u l-Amerika Latina.

Il-gallettini u kejkijiet żgħar huma sinonimi għal żmien il-Milied, speċjalment fl-Ewropa minn fejn oriġinaw. Bdiewa Neolitiċi kienu jagħmlu speċi billi jaħmu l-qamħ eluf ta’ snin ilu. Però kien żmien il-medjuevu li dawn il-prodotti ħadu spinta. Kienu l-Olandiżi minn tal-ewwel u fil-fatt il-kelma cookies ġejja mill-kelma Olandiza Koekje – kejk żgħir. Fil-bidu tas-16-il seklu saru popolari u kont issibhom ma’ kullimkien b’diversi riċetti, għamliet, forom u qisien. Dawn il-gallettini ċatti kienu jintużaw mit-tfal billi jpoġġu ammont żgħir fuq it-tieqa għall-Christmas Father biex jikolhom waqt il-vjaġġi tiegħu matul il-lejl. Dawn imqarbin kellhom skop biex “jirrikattaw” lill-Christmas Father biex iħallilhom il-ġugarelli u dawk bil-għaqal kienu juru l-apprezzament tagħhom għar-rigali li kien iħallilhom il-Christmas Father.

Insibu wkoll il-famużi gingerbread li dawn ukoll huma ta’ kull għamla u daqs u li tfaċċaw fiċ-ċentru tal-Ewropa fil-Medjuevu. Però kien fid-19-il seklu li dan il-prodott ġie assoċjat bħala ħelu għal żmien il-Milied. Fil-bidu kienu l-patrijiet li kienu jipproduċuhom, iżda fis-17-il seklu tħajjru id-dolċiera, fejn speċjalizzaw aktar fihom. L-aktar li speċjalizzaw fihom kienu l-Ġermaniżi fil-belt ta’ Nuremberg. Issibhom is-sena kollha, iżda d-domanda fenomenali għalihom issir fi żmien il-Milied. Il-forom u daqs ivarjaw, però l-aktar popolari hu l-Gingerbread Man.

Din il-gallettina tkun dekorata b’diversi modi iżda barra l-wiċċ ikollha wkoll is-sidrija bil-buttuni u ċ-ċoff. Takkumpanjah hemm il-figura ta’ Mara bl-istess dehriet u bil-fardal. Insibu wkoll mudelli ta’ djar tal-ġinġer u ħelu ieħor bħala dekorazzjoni. Popolari ħafna mbagħad hemm dawk il-Lebkuchen li għadhom għamla ta’ qalb b’messaġġ fuqha.

Pajjiżi oħrajn jispeċjalizzaw f’dawn il-prodotti fosthom, l-Awstrija għandhom il-Keskes, iċ-Ċekoslovakkja il-Vanocni Cukrovi u r-Russi l-cookies oriġinali fl-għamla u t-Tea Cakes u fil-Polonja, l-Irlanda u l-Awstralja nsibu s-Soda Bread. Dawn kollha huma speċi ta’ gallettini.

Min isiefer f’pajjiżi kesħin jinnota bejjiegħa fit-toroq ibigħu il-qastan inkaljat fejn il-forn ikun forma ta’ ferrovija. Mhux ta’ b’xejn insibu id-diska tal-Milied tibda bil-kliem “Chestnuts roasted on an open fire…” Il-qastan ukoll hu prodott għal dan iż-żmien u jisserva wkoll waqt l-ikel tal-Milied u anke mdaħħal f’ċerti riċetti.

Fl-Amerika nsibu l-candy stick li oriġina f’Indiana fl-1900 u kien proprju minn dakinhar li l-istick bdiet tingħata l-forma mgħawwġa min-naħa waħda u fi tliet kuluri: l-abjad, l-aħmar u l-aħdar. Jingħad li dan il-ħelu jissimbolizza l-bastun ta’ ragħaj u għaldaqstant attribwit lil Ġesù bħala r-ragħaj tagħna. Dan il-ħelu jingħata lit-tfal żgħar biex joqogħdu kwieti waqt il-funzjonijiet tal-Milied fil-knejjes. Ma’ dawn ukoll insibu Lollipops b’forom sinonimi mal-Milied.

L-Awguri tal-Milied b'diversi lingwi

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Albaniż - Gezuar Krishtlinjden
  • Bask - Zorionak eta Urte Berri On
  • Bulgaru - Tchestita Koleda; Tchestito Rojdestvo Hristovo
  • Ċiniż - Gun Tso Sun Tan'Gung Haw Sun
  • Ċek - Prejeme Vam Vesele Vanoce a stastny Novy Rok
  • Daniż - Glredelig Jul
  • Finlandiż - Hyvaajoulua
  • Franċiż - Joyeux Noel
  • Ġermaniż - Froehliche Weihnachten
  • Grieg - Kala Christouyenna
  • Għarbi - Idah Saidan Wa Sanah Jadidah
  • Ingliż - Merry Christmas
  • Katalan - Bon Nadal i un Bon Any Nou
  • Kroat - Sretan Bozic
  • Lhudi - Mo'adim Lesimkha. Chena tova
  • Malti - Il-Milied it-Tajjeb
  • Olandiż - Vrolijk Kerstfeest
  • Norvegiż - God Jul
  • Pollakk - Wesolych Swiat Bozego Narodzenia
  • Russu - Srozhdestvom Kristovym
  • Spanjol - Feliz Navidad
  • Svediż - God Jul
  • Taljan - Buon Natale
  • Tork - Noeliniz Ve Yeni Yiliniz Kutlu Olsun
  • Ungeriż - Kellemes Karacsonyi unnepeket