[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Zond 5

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Tpinġija taż-Zond 5

Zond 5 (bir-Russu: Зонд 5, litteralment "Sonda 5") kien inġenju spazjali tal-programm Sovjetiku "Zond". F'Settembru 1968 sar it-tieni inġenju spazjali li vvjaġġa u dar mal-qamar, u l-ewwel wieħed li reġa' lura fid-dinja qawwi u sħiħ. Zond 5 ġarr l-ewwel organiżmi terrestri qrib il-qamar, fosthom żewġ fkieren tal-art, bajd tad-dubbien tal-frott, u pjanti.[1] Il-fkieren tal-art ġarrbu bidliet bijoloġiċi matul it-titjira, iżda ġie konkluż li l-bidliet seħħew primarjament minħabba l-ġuħ u li ma tantx kienu affettwati mill-ivvjaġġar fl-ispazju.[2][3]

L-inġenju spazjali Zond kien verżjoni tas-Soyuz 7K-L1 bl-organiżmi terrestri maħsuba biex ittir mad-dawra tal-qamar. Ittellgħet l-ispazju permezz ta' rokit tat-tlugħ fl-ispazju tat-tip Proton-K bil-komponent ta' fuq imsejjaħ Blokka D biex jitwettqu studji xjentifiċi fuqu matul it-titjira tiegħu mad-dawra tal-qamar.[4]

Mill-ewwel erba' missjonijiet mad-dawra tal-qamar li ttellgħu fl-ispazju mill-Unjoni Sovjetika kien hemm suċċess parzjali wieħed, iż-Zond 4, u tliet fallimenti.[5] Wara l-missjoni ta' Zond 4 f'Marzu 1968, missjoni ta' segwitu msejħa Zond 1968A, ittellgħet fit-23 April 1968. It-tlugħ falla meta kmand ta' interruzzjoni bi żball temm it-tieni stadju tar-rokit Proton. Ir-rokit tal-ħrib ġie attivat u l-modulu tal-inżul wassal l-inġenju b'mod sikur.[6][7] F'Lulju, iż-Zond 1968B kien qed jitħejja għat-tlugħ meta r-rokit tat-tieni stadju msejjaħ Blokka D splodiet fuq il-pjattaforma tat-tlugħ, fejn mietu tliet tlieta min-nies, iżda r-rokit Proton tal-ewwel stadju u l-inġenju spazjali nnifsu ħelsuha ħafif bi ftit ħsarat.[8]

Il-missjoni taż-Zond 5 oriġinarjament kienet ippjanata biex ittajjar lill-kożmonawti madwar il-qamar, iżda l-fallimenti taż-Zond 1968A u taż-Zond 1968B wasslu biex minflok is-Sovjetiċi jibagħtu missjoni bla ekwipaġġ, minħabba l-biża' li jkun hemm propaganda negattiva f'każ li titjira bl-ekwipaġġ ma tirnexxix.[9]

Żewġ fkieren tal-art Russi (Agrionemys horsfieldii) ġew inklużi fit-tagħbija bijoloġika. Dawn kienu jiżnu 0.34-0.4 kilogrammi 'l waħda qabel it-titjira.[10] Ix-xjenzati Sovjetiċi għażlu l-fkieren tal-art peress li setgħu jintrabtu faċilment. Kien hemm ukoll żewġ fkieren tal-art oħra li ntużaw bħala eżemplari ta' kontroll u erba' oħra f'vivarju. Tnax-il jum qabel it-tlugħ, iż-żewġ fkieren tal-art ġew marbuta fil-vettura spazjali u ma' ngħatawx ikel u ilma; il-fkieren tal-art ta' kontroll ukoll ma ngħatawx ikel u xorb.[10] In-nuqqas ta' ikel kien parti minn esperimenti patomorfoloġiċi u istokimiċi. It-tagħbija bijoloġika kienet tinkludi wkoll bajd tad-dubbien tal-frott, ċelloli tal-qamħ, xgħir, piżelli, prinjoli, karrotti u tadam, eżemplari tal-ispeċi tal-fjura selvaġġa Tradescantia paludosa, tliet razez tal-alga ħadra uniċellulari Chlorella, u razza waħda ta' batterju lisoġeniku.[11][12] L-iskop li jintbagħtu għadd ta' forom ta' ħajja terrestri differenti kien li jiġi ttestjat l-effett tar-radjazzjoni kożmika fuqhom.[13] Madankollu, is-soġġetti tal-ittestjar ma kinux analogi għall-bnedmin, minħabba li l-għażla tal-forom ta' ħajja kienu kollha estremofili b'reżistenza għar-radjazzjoni sostanzjalment ogħla.[14][15][16] L-Akkademja Russa tax-Xjenzi iddikjarat li fil-post tal-bdot tqiegħed manekin mgħammar b'sensuri tar-radjazzjoni.[2]

L-Impjant Ottiku u Mekkaniku ta' Kazan kien żviluppa l-AFA-BA/40 imager, li ġie installat fuq l-inġenju spazjali, biex b'hekk ikollu l-kapaċità li jieħu immaġnijiet tad-dinja.[9][17] Zond 5 kien fih ukoll detetturi tal-protoni[18] u seta' jittrażmetti ftit mid-data tiegħu lura lill-istazzjonijiet fuq l-art, għalkemm id-data maħżuna abbord u miġbura wara r-ritorn kien ikollha inqas interferenza.[19]

Tlugħ u trajettorja

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tlugħ taż-Zond 5 seħħ fl-14 ta' Settembru 1968 fid-9:42.10 UTC, mis-Sit 81 fil-Kożmodrom ta' Baikonur. L-ispinta tar-rokit tat-tielet stadju ntemmet wara 160 kilometru, li kien il-bidu ta' ċaqliq 'il quddiem għal 251 sekonda. Il-Blokka D, ir-rokit tal-istadju ta' fuq xegħel u nħaraq għal 108 sekondi, biex b'hekk l-inġenju spazjali daħal f'orbit ta' parkeġġ ta' 191 b'219 kilometru. Wara sitta u ħamsin minuta tal-orbita ta' parkeġġ, il-Blokka D xegħlet għall-aħħar darba għall-ispinta translunari. Wara din il-manuvra, it-tlugħ ġie mħabbar lid-dinja. Il-Kontroll tal-Missjoni skopra li kien hemm problema biż-Zond 5 u l-kawża x'aktarx kienet tagħmir ikkontaminat ta' traċċar tal-istilel. Is-sħana wasslet biex ftit mill-kisi fuq ġewwa jipproduċi l-gass[20], u din dewmet korrezzjoni fit-traġitt lejn il-qamar. Il-manuvra saret xi 325,000 kilometru mid-dinja, permezz tal-użu tax-xemx u tad-dinja bħala punti ta' referenza.

Fit-18 ta' Settembru, l-inġenju spazjali tar madwar il-qamar, għalkemm ma wettaqx orbita mad-dawra tiegħu. L-eqreb distanza kienet ta' 1,950 kilometru. Fil-vjaġġ lura mill-qamar, tagħmir ieħor tas-sejbien tal-istilel falla. L-inġenju spazjali tefa bi żball ukoll is-sistema ta' dħul mill-ġdid iggwidat.[20] Il-gvern Sovjetiku stazzjona tmien vapuri fl-Oċean Indjan qabel it-tlugħ, bħala prekawzjoni f'każ li l-inġenju spazjali ma kienx jilħaq jasal fuq territorju Sovjetiku; u tliet biss minnhom kellhom ħelikopters tas-salvataġġ abbord.

Dħul mill-ġdid u rkupru

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-21 ta' Settembru, il-kapsula tad-dħul mill-ġdid daħlet fl-atmosfera tad-dinja.[21] Iż-żona primarja tal-inżul kienet fil-Każakistan, iżda minflok iż-Zond 5 niżel fl-Oċean Indjan u ġie rkuprat mill-bastimenti Sovjetiċi Borovichy (Боровичи) u Vasiliy Golovnin (Василий Головнин).[22][23] L-inżul seħħ f'latitudni ta' −32°38' u f'lonġitudni ta' 65°33'[24], 105 kilometri 'l bogħod mill-eqreb vapur navali Sovjetiku. L-inżul seħħ billejl, li xekkel l-isforzi ta' rkupru.[25]

Iż-Zond 5 sar l-ewwel inġenju spazjali li dar mal-qamar u reġa' lura fid-dinja. Il-vjaġġ kollu dam sitt ijiem, 18-il siegħa u 24 minuta.[26] Għalkemm id-dħul mill-ġdid ballistiku x'aktarx kien ikun letali għall-okkupanti umani, ma deherx li affettwa l-eżemplari bijoloġiċi, li kienu ħajjin meta l-modulu tal-inżul infetaħ erbat ijiem wara l-inżul. Il-USS McMorris segwiet il-vapuri tal-irkupru Sovjetiċi, u ġabret l-intelligence[27], iżda mbagħad telqet ftit wara li l-inġenju spazjali ttella' abbord il-vapur Sovjetiku.[25]

Riżultati u pjanijiet futuri

[immodifika | immodifika s-sors]
Bolla tal-1969 tal-Unjoni Sovjetika biż-Zond 5

Ittieħdu ritratti ta' kwalità għolja tad-dinja, l-ewwel tax-xorta tagħhom[28], minn distanza ta' 90,000 kilometru. L-astronomu Brittaniku Bernard Lovell, ikkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa esperti tar-Renju Unit, qal li l-missjoni taż-Zond 5 uriet li s-Sovjetiċi kienu fuq quddiem fit-Tellieqa tal-Ispazju. Is-Soċjetà Interplanetarja Brittanika kienet temmen li l-Unjoni Sovjetika kienet se tkun kapaċi tibgħat lill-kożmonawti madwar il-qamar fi żmien xhur.[29]

F'Ottubru 1968, sorsi fl-Istati Uniti sostnew li l-missjoni ma kinitx daqshekk suċċess kif pinġewha s-Sovjetiċi. Il-missjoni kienet maħsuba biex ittir eqreb tal-qamar, u d-distanza effettiva tagħha ma kinitx tajba għall-fotografija lunari. Qalu wkoll li l-anglu li bih l-inġenju spazjali reġa' daħal fl-atmosfera kien wisq wieqaf biex kożmonawta jibqa' ħaj. Is-sorsi indikaw li l-inġenju spazjali niżel fl-Oċean Indjan, meta suppost kien ippjanat li jinżel f'territorju Sovjetiku, li wassal għal dewmien fl-irkupru ta' għaxar sigħat.[30]

L-aġenzija tal-aħbarijiet Sovjetika uffiċjali, TASS, ħabbret f'Novembru 1968 li t-titjira kienet ittrasportat annimali ħajjin. Il-fkieren tal-art li ttellgħu l-ispazju għaddew minn dissezzjoni fil-11 ta' Ottubru wara sawm ta' 39 jum. Il-fkieren tal-art li ttellgħu l-ispazju, identifikati bħala Nru 22 u Nru 37, kien tilfu 10 % tal-piż tagħhom matul il-vjaġġ, iżda ma wrew l-ebda telf ta' aptit.[31] Il-fkieren tal-art ta' kontroll tilfu 5 % tal-piż tagħhom. Minn tqabbil tal-analiżijiet tad-demm bejn dak tal-fkieren tal-art li ttellgħu l-ispazju u dawk ta' kontroll ma ħarġet l-ebda differenza. Analiżi oħra wriet li l-fkieren tal-art li ttellgħu l-ispazju kellhom livelli għoljin ta' ħadid u ta' glikoġenu fil-fwied tagħhom u li t-titjira affettwat ukoll l-istrutturi interni tal-milza tagħhom. L-awturi kkonkludew li l-bidliet fil-fkieren tal-art li ttellgħu l-ispazju kienu primarjament dovuti għall-ġuħ, filwaqt li l-ivvjaġġar fl-ispazju ma tantx kellu effett.[32] F'Novembru 1968, ġie mħabbar li l-inġenju spazjali ġie ppjanat bħala prekursur ta' inġenju spazjali bl-ekwipaġġ. Is-Sovjetiċi ħabbru dan xahar qabel it-titjira ppjanata tal-Apollo 8, f'tentattiv biex juru li kienu kważi waslu biex itellgħu l-bnedmin lejn il-qamar.[33][34]

Test/ċajta tal-komunikazzjonijiet tal-ekwipaġġ tal-kożmonawti

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-Zond 5 ta qata' lill-Istati Uniti meta fid-19 ta' Settembru 1968, l-ilħna tal-kożmonawti Valery Bykovsky, Vitaly Sevastyanov u Pavel Popovich ġew trażmessi mill-inġenju spazjali u ġew interċettati mill-Osservatorju ta' Jodrell Bank u mis-CIA.[35][36] Il-kożmonawti taparsi kienu qed jaqraw id-data telemetrika u l-qari mill-kompjuter, u saħansitra kienu qed jiddiskutu tentattiv ta' nżul. F'nofs il-Gwerra Bierda, kien hemm tħassib reali li s-Sovjetiċi setgħu tassew jaslu qabel in-NASA fuq il-qamar. L-astronawta tal-Apollo 17 Eugene Cernan irrimarka l-avveniment kien "qatagħhom minn ġewwa".[37]

Popovich iktar 'il quddiem fakkar: "Meta rrealizzajna li qatt ma konna se nlaħħqu naslu l-ewwel fuq il-qamar, iddeċidejna li ngħadduhom biż-żmien. Staqsejna lill-inġiniera tagħna biex jikkolleggaw ir-riċevitur abbord is-sonda mat-trażmettitur b'jumper wire. Il-missjonijiet tat-titjir madwar il-qamar dak iż-żmien kienu kkontrollati minn ċentru tal-kmand f'Yevpatoria, fil-Krimea. Meta s-Sonda kienet fl-orbita tagħha mal-qamar, jien kont fiċ-ċentru. Għalhekk qbadt il-mikrofonu u għedt: "It-titjira għaddejja b'mod normali; qed noqorbu lejn is-superfiċe...". Ftit sekondi wara, ir-rapport tiegħi – taparsi mill-ispazju – ġie riċevut fid-dinja, inkluż mill-Amerikani. Il-konsulent spazjali tal-Istati Uniti Frank Borman irċieva telefonata mill-President Richard Nixon [effettivament Johnson], li staqsa: "Popovich għaliex qed jirrapporta mill-qamar?". Iċ-ċajta tiegħu qalgħet kjass sħiħ. Fi żmien xahar, Frank żar l-Unjoni Sovjetika u jien ġejt imqabbad niltaqa' miegħu fl-ajruport. Bil-kemm laħaq ħareġ mill-ajruplan li xejjer ponn magħluq lejja u qalli: "Ja minewl, int hooligan tal-ispazju!".[38]

Il-kapsula tar-ritorn taż-Zond 5 għadha tintwera fil-Mużew tal-RKK Energiya, fl-Oblast ta' Moska, ir-Russja.[39]

  1. ^ "The First Earthlings Around the Moon Were Two Soviet Tortoises". Discover Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-20.
  2. ^ a b "NASA - NSSDCA - Spacecraft - Details". nssdc.gsfc.nasa.gov. Miġbur 2021-08-20.
  3. ^ Siddiqi, Asif A. (2018). Beyond Earth: A Chronicle of Deep Space Exploration, 1958–2016 (PDF). Washington, D.C.: NASA History Program Office. p. 80. ISBN 9781626830424. p. 80.
  4. ^ "Soviet and Russian Lunar Exploration" (PDF). p. 314.
  5. ^ Siddiqi, Asif A. (2003) [2000]. The Soviet Space Race with Apollo. Gainesville, Florida: University Press of Florida. ISBN 978-0-8130-2628-2. p. 653.
  6. ^ "Tentative IDs". nssdc.gsfc.nasa.gov. Miġbur 2021-08-20.
  7. ^ "L1 No. 7L: A circumlunar mission attempt". www.russianspaceweb.com. Miġbur 2021-08-20.
  8. ^ "Mission L1 No. 8L: A deadly accident". www.russianspaceweb.com. Miġbur 2021-08-20.
  9. ^ a b "Zond-5: A prototype of the Soviet crew capsule loops behind the Moon!". www.russianspaceweb.com. Miġbur 2021-08-20.
  10. ^ a b Gaidamakin, N. A.; Parfenov, G. P.; Petrukhin, V. G.; Antipov, V. V.; Saksonov, P. P.; Smirvona, A. V. (1969). Zug, George R.; Peters, James A. (eds.). Патоморфологические и гистохимические изменения в органах черепах на борту космического корабля «Зонд-5» [Patho-Morphological and Histochemical Changes in the Organs of Turtles on Board the "Zond-5" Probe] (PDF). 18th IAF Conference (bir-Russu). Tradott minn Friedman, Morris D. La Plata, l-Arġentina. p. 2.
  11. ^ Siddiqi, Asif A. (2003) [2000]. The Soviet Space Race with Apollo. Gainesville, Florida: University Press of Florida. ISBN 978-0-8130-2628-2. p. 654.
  12. ^ Madrigal, Alexis C. (2012-12-27). "Who Was First in the Race to the Moon? The Tortoise". The Atlantic (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-20.
  13. ^ "Clipped From The Journal News". White Plains, New York. 1968-11-15. p. 24. Miġbur 2021-08-20.
  14. ^ "Tortoise blood fights radiation sickness". UPI (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-20.
  15. ^ Ichikawa, Sadao (1972). "SOMATIC MUTATION RATE IN TRADESCANTIA STAMEN HAIRS AT LOW RADIATION LEVELS: FINDING OF LOW DOUBLING DOSES OF MUTATIONS". The Japanese journal of genetics. 47 (6): 411–421.
  16. ^ "Radioactivity" (PDF).
  17. ^ "NASA - NSSDCA - Experiment - Details". nssdc.gsfc.nasa.gov. Miġbur 2021-08-20.
  18. ^ "NASA - NSSDCA - Experiment - Details". nssdc.gsfc.nasa.gov. Miġbur 2021-08-20.
  19. ^ Times, Special to The New York (1968-09-24). "SPACE RECORDINGS RETURNED BY ZOND 5" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-20.
  20. ^ a b Siddiqi, Asif A. (2003) [2000]. The Soviet Space Race with Apollo. Gainesville, Florida: University Press of Florida. ISBN 978-0-8130-2628-2. p. 655.
  21. ^ Siddiqi, Asif A. (2003) [2000]. The Soviet Space Race with Apollo. Gainesville, Florida: University Press of Florida. ISBN 978-0-8130-2628-2. pp. 655-656.
  22. ^ Cassutt, Michael (2007). Red Moon. Tom Doherty Associates. ISBN 978-1-4299-7172-0. p. 320.
  23. ^ "О.Павленко - К 35-летию полета корабля "Зонд-5"". niskgd.ru. Miġbur 2021-08-21.
  24. ^ "Solar System Exploration: Missions: By Name: Z: Zond 05". web.archive.org. 2011-09-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-09-27. Miġbur 2021-08-21.
  25. ^ a b Siddiqi, Asif A. (2003) [2000]. The Soviet Space Race with Apollo. Gainesville, Florida: University Press of Florida. ISBN 978-0-8130-2628-2. p. 656.
  26. ^ Siddiqi, Asif A. (2018). Beyond Earth: A Chronicle of Deep Space Exploration, 1958–2016 (PDF). Washington, D.C.: NASA History Program Office. p. 80. ISBN 9781626830424.
  27. ^ "The Space Review: Chasing the Zond". www.thespacereview.com. Miġbur 2021-08-21.
  28. ^ "NEWS - S.P. KOROLEV ROCKET & SPACE CORPORATION ENERGIA". www.energia.ru. Miġbur 2021-08-22.
  29. ^ "Russ Lead in Race to the Moon Top British Space Expert Says". Arizona Republic. Phoenix, Arizona. Associated Press. It-23 ta' Settembru 1968. p. 6.
  30. ^ Bloom, Mark (l-1 ta' Ottubru 1968). "Flight of Russian Moonship Called Blow to its Program". Daily News. New York, New York. p. 5.
  31. ^ Gaidamakin, N. A.; Parfenov, G. P.; Petrukhin, V. G.; Antipov, V. V.; Saksonov, P. P.; Smirvona, A. V. (1969). Zug, George R.; Peters, James A. (eds.). Патоморфологические и гистохимические изменения в органах черепах на борту космического корабля «Зонд-5» [Patho-Morphological and Histochemical Changes in the Organs of Turtles on Board the "Zond-5" Probe]. It-18-il Konferenza tal-IAF (bir-Russu). Tradott minn Friedman, Morris D. La Plata, Arġentina. p. 1.
  32. ^ Gaidamakin, N. A.; Parfenov, G. P.; Petrukhin, V. G.; Antipov, V. V.; Saksonov, P. P.; Smirvona, A. V. (1969). Zug, George R.; Peters, James A. (eds.). Патоморфологические и гистохимические изменения в органах черепах на борту космического корабля «Зонд-5» [Patho-Morphological and Histochemical Changes in the Organs of Turtles on Board the "Zond-5" Probe]. It-18-il Konferenza tal-IAF (bir-Russu). Tradott minn Friedman, Morris D. La Plata, Arġentina. p. 3.
  33. ^ "Soviets Recover Spacecraft After Flight Around Moon Opens Way for a Manned Shot". The Morning Call. Allentown, Pennsylvania. New York Times News Service. It-23 ta' Settembru 1968. p. 3.
  34. ^ "Soviets Reveal Moonflight Probes Foretell Real Trip". Clarion-Ledger. Jackson, Mississippi. Associated Press. Il-25 ta' Novembru 1968. p. 34.
  35. ^ Campbell, Dallas. Ad Astra: An Illustrated Guide to Leaving the Planet. ISBN 9781471164064.
  36. ^ Viglietti, Lukas. Apollo Confidential. ISBN 9781642795875.
  37. ^ Cernan, Eugene; Davis, Donald A. (April 2007). The Last Man on the Moon: Astronaut Eugene Cernan and America's Race in Space. ISBN 9781429971782.
  38. ^ Burgess, Colin; Hall, Rex. The First Soviet Cosmonaut Team: Their Lives and Legacies. ISBN 9780387848242.
  39. ^ "Russia: Location of Russian Manned Spacecraft". www.astronautix.com. Miġbur 2021-08-22.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]