[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Asmara

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Asmara
 Eritrea
Amministrazzjoni
Stat sovranEritrea
Region of EritreaMaekel Region (en) Translate
Isem uffiċjali ኣስመራ
Ismijiet oriġinali ኣስመራ
Ġeografija
Koordinati 15°20′N 38°55′E / 15.33°N 38.92°E / 15.33; 38.92Koordinati: 15°20′N 38°55′E / 15.33°N 38.92°E / 15.33; 38.92
Asmara is located in Eritrea
Asmara
Asmara
Asmara (Eritrea)
Superfiċjenti 12,158.1 kilometru kwadru
Għoli 2,325 m
Demografija
Popolazzjoni 963,000 abitanti (2020)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1897
Żona tal-Ħin UTC+3
bliet ġemellati Firenze, Khartoum, Berkeley, Atlantau Nevers

Asmara (pronunzja: /æsˈmɑːrə/ əs-MAHR-ə) jew Asmera hija l-belt kapitali u l-iżjed belt popolata tal-Eritrea, fir-Reġjun Ċentrali tal-pajjiż. Tinsab f'elevazzjoni ta' 2,325 metru (7,628 pied), u b'hekk hija is-sitt l-ogħla belt kapitali fid-dinja bħala altitudni u t-tieni l-ogħla belt kapitali fl-Afrika. Il-belt tinsab fit-quċċata ta' promontorju li huwa t-tarf tal-Majjistral tal-Artijiet Għoljin tal-Eritrea u tal-Wied tal-Fondoq il-Kbir tal-pajjiż ġar tal-Etjopja. Fl-2017, il-belt ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO għall-arkitettura modernista ppreservata sew tagħha.[1][2][3] Skont it-tradizzjonijiet lokali, il-belt ġiet stabbilita wara li erba' villaġġi separati ngħaqdu flimkien b'mod paċifiku wara perjodi twal ta' kunflitt. Asmara għal żmien twil kienet fid-dell ta' Debarwa fil-qrib, ir-residenza tal-Bahr Negash jew il-gvernatur tal-provinċja kostali. Madankollu, xorta waħda baqgħet teżisti bħala insedjament ewlieni għal iktar minn nofs millenju u kellha wkoll xi importanza peress li kienet tinsab tul ir-rotta kummerċjali lejn Massawa. Asmara saret prominenti għall-ewwel darba matul is-seklu 20, meta saret il-belt kapitali tal-Eritrea Taljana. Taħt it-tmexxija Taljana, il-belt ta' Asmara esperjenzat urbanizzazzjoni u modernizzazzjoni rapidi.[4][5]

Skont l-istorja tradizzjonali bil-fomm tal-Eritrea min-naħa tal-poplu Tigrinya, kien hemm erba' klannijiet li kienu jgħixu fiż-żona ta' Asmera fuq il-Promontorju ta' Kebessa: Gheza Gurtom, Gheza Shelele, Gheza Serenser u Gheza Asmae. Dawn il-villaġġi spiss kienu jiġu attakkati mill-klannijiet mill-artijiet baxxi u mill-mexxejja ta' "seger mereb melash", sa ma n-nisa ta' kull klann iddeċidew li jgħelbu l-għadu komuni tagħhom u jippreservaw il-paċi l-erba' klannijiet kellhom jingħaqdu. L-irġiel aċċettaw, u b'hekk ingħata l-isem ta' "Arbate Asmera". "Arbate Asmera" bil-lingwa Tigrinya litteralment tfisser "l-erba' nisa wasslu biex jingħaqdu".[6]

L-ewwel tismija ta' Asmara oriġinat minn itinerarju bil-Latin matul ir-renju tal-Imperatur Dawit I (1382–1411).

Asmara Taljana

[immodifika | immodifika s-sors]
Asmara fl-1935.

Asmara fis-seklu 19 kien villaġġ żgħir, iżda meta ġie okkupat mill-Italja fl-1889 malajr kiber u sar belt. Il-Gvernatur Ferdinando Martini għamilha l-belt kapitali tal-Eritrea Taljana fl-1897.[7]

Fil-bidu tas-seklu 20, inbniet il-Linja Ferrovjarja tal-Eritrea sal-kosta, li kienet tgħaddi mir-raħal ta' Ghinda, taħt id-direzzjoni ta' Carlo Cavanna. Kemm fl-1913 kif ukoll fl-1915, il-belt ma tant ġarrbet ħsarat kbar minkejja t-terremoti kbar li kien hemm.[8]

Fil-belt żviluppat komunità Taljana kbira.[9] Skont iċ-ċensiment tal-1939, Asmara kellha popolazzjoni ta' 98,000 ruħ, li minnhom 53,000 ruħ kienu Taljani. Fl-Eritrea kollha kien hemm 75,000 Taljan biss jgħixu fil-pajjiż, għaldaqstant il-belt kapitali kienet bil-bosta l-ikbar ċentru tagħhom.[10]

Mappa ta' Asmara Taljana fl-1929.

Il-belt kapitali kisbet bixra arkitettonika Taljana. L-Ewropej użaw lil Asmara "biex jesperimentaw disinni radikali ġodda".[11] Sal-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 20, Asmara bdiet tissejjaħ Piccola Roma (Ruma Żgħira). Il-ġurnalist John Gunther fl-1955 innota li "t-Taljani bnew lil Asmara sew, bħal Tripli, b'toroq wesgħin u puliti, binjiet pubbliċi bit-tiżjin, u saħansitra affarijiet raffinati taċ-ċivilizzazzjoni ta' dak iż-żmien bħal sistema moderna tad-dranaġġ ... Asmara tagħtik l-impressjoni li hija belt żgħir u pjaċevoli biżżejjed tal-Calabria, jew saħansitra tal-Umbria".[12] Illum il-ġurnata hemm iktar minn 400 binja ta' oriġini Taljana, u bosta ħwienet għad għandhom ismijiet bit-Taljan (eż. Bar Vittoria, Pasticceria moderna, Casa del formaggio u Ferramenta).

Ir-Renju tal-Italja investa fl-iżvilupp industrijali ta' Asmara (u tal-inħawi tal-madwar tal-Eritrea), iżda l-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija waqfet kollox ħesrem.

L-UNESCO niżżlet lil Asmara fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji f'Lulju 2017 peress li "Hi eżempju eċċezzjonali ta' urbaniżmu Modernist bikri fil-bidu tas-seklu 20 u tal-applikazzjoni tiegħu f'kuntest Afrikan".[13]

Federazzjoni mal-Etjopja

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1952, in-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet li twassal għall-federazzjoni tal-eks kolonja taħt it-tmexxija tal-Etjopja. Matul il-federazzjoni, Asmara ma baqgħetx il-belt kapitali. Il-belt kapitali kienet Addis Ababa, iktar minn 1,000 kilometru (620 mil) 'il bogħod lejn in-Nofsinhar. Fl-1961, l-Imperatur Haile Selassie I temm l-arranġament "federali" u ddikjara t-territorju bħala l-14-il provinċja tal-Imperu Etjopjan.[14] L-ikbar alleat tal-Etjopja kienu l-Istati Uniti. Fil-belt ġie stazzjonat il-Kontinġent ta' Kagnew tal-Armata tal-Istati Uniti mill-1943 sal-1977. Il-Gwerra tal-Indipendenza tal-Eritrea bdiet fl-1961 u ntemmet fl-1991. Asmara ma ġarrbitx wisq ħsarat matul il-gwerra, bħall-maġġoranza tar-reġjuni fl-artijiet għoljin. Wara l-indipendenza, Asmara reġgħet saret il-belt kapitali tal-Eritrea.

Veduta ta' Asmara mill-ajru.

Il-belt tinsab f'elevazzjoni ta' 2,325 metru (7,628 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Tinsab fuq artijiet għoljin magħrufa bħala l-Artijiet Għoljin tal-Eritrea u hija orjentata mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Il-parti ċentrali miti, fejn hemm Asmara, tinsab fuq promontorju tal-blat, li jissepara l-artijiet baxxi tal-Punent mill-pjanuri kostali tal-Lvant. L-artijiet madwar Asmara huma għammiela ħafna, speċjalment dawk fin-Nofsinhar lejn ir-Reġjun ta' Debub tal-Eritrea. L-artijiet għoljin li tinsab fihom Asmera jinżlu ftit 'l isfel u jiżvelaw l-artijiet baxxi tal-Lvant, li huma kkaratterizzati mis-sħana kbira u mill-umdità tas-salini tal-Eritrea, qrib il-Baħar l-Aħmar. Lejn il-Punent tal-promontorju hemm art semiarida enormi bl-għoljiet li tibqa' sejra sal-fruntiera mas-Sudan qalb ir-Reġjun ta' Gash-Barka.

Dwal tat-traffiku bil-pannelli solari fi triq f'Asmara.

Asmara għandha klima semiarida kiesħa (BSk skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). Għandha temp moderatament sħun is-sena kollha, b'temperaturi bejn minimu ta' 14°C sa massimu ta' 30.5°C. Għandha umdità medja ta' 51 % u indiċi UV ta' 6. Is-sistema ta' Holdridge taż-żoni tal-ħajja skont klassifikazzjoni bijoklimatika tpoġġi lil Asmara f'bijoma ta' boskijiet subtropikali bix-xewk jew fil-qrib. Ix-xita tvarja minn xahar għal xahar, u l-ogħla preċipitazzjoni tkun f'Lulju u f'Awwissu, filwaqt li fix-xhur l-oħra l-preċipitazzjoni tkun inqas.

Ikollha sjuf sħan iżda mhux wisq, u xtiewi miti.[15] Minħabba l-altitudni tagħha ta' 2,325 metru (7,628 pied), it-temperaturi jkunu relattivament miti għal belt li tinsab mhux wisq 'il bogħod mill-inħawi tal-madwar iktar sħuni tal-pajjiż. Din il-klima hija karatteristika tal-istaġuni tax-xita u tal-istaġuni tan-nixfa.[16] Bħala medja Asmara jkollha 518 mm (20.4 pulzier) ta' preċipitazzjoni fis-sena. Madankollu, qajla jkun hemm il-ġlata fil-belt. L-istaġun twil tan-nixfa matul is-sena jkun estiż minn Settembru sal-ħabta ta' April. Ikun hemm staġun ta' xita okkażjonali minn April sa Ġunju. Bħala medja, madwar 60 % tal-preċipitazzjoni annwali ta' Asmara tinżel matul ix-xhur ta' Lulju u ta' Awwissu. Min-naħa l-oħra, Diċembru sa Frar tipikament ikunu l-iżjed xhur nexfin ta' Asmara, filwaqt li bħala medja tinżel biss 9.1 mm (0.36 pulzieri) ta' preċipitazzjoni fit-tliet xhur f'daqqa. Minħabba l-preċipitazzjoni varjabbli, il-klima ta' Asmara hija kkaratterizzata wkoll min-nixfa. Kien hemm diversi nixfiet fit-tul f'dan ir-reġjun mill-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20 u minn dak iż-żmien reġgħu seħħew kull deċennju. Matul il-perjodi tan-nixfa, it-temperaturi jgħolew u tinżel ftit xita. Meta t-temperaturi f'reġjun jiżdiedu, ir-rata ta' evaporazzjoni tal-ilma mill-ħamrija tiżdied ukoll. Dawn il-proċessi flimkien jirriżultaw fid-deżertifikazzjoni tal-ħamrija. Sabiex tinkiseb ħamrija rikka bin-nutrijenti u bl-indewwa għal skopijiet tal-biedja, il-popolazzjonijiet jiddependu fuq id-deforestazzjoni biex jużaw l-art sottostanti. L-iżjed problemi ambjentali serji ta' Asmara huma fil-fatt id-deforestazzjoni u d-deżertifikazzjoni. Problemi oħra li tiffaċċja Asmara huma l-erożjoni tal-ħamrija u r-ragħa eċċessiva. Dawn il-problemi ambjentali kollha jwasslu għad-degradazzjoni tal-ħamrija.[17]

Data klimatika għal Asmara, l-Eritrea (temp. normali fl-1961-1990, temp. estremi fl-1903-2012)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 29.0

(84.2)

29.2

(84.6)

30.5

(86.9)

31.0

(87.8)

30.0

(86.0)

29.4

(84.9)

29.4

(84.9)

27.4

(81.3)

27.2

(81.0)

31.0

(87.8)

26.7

(80.1)

26.2

(79.2)

31.0

(87.8)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 22.3

(72.1)

23.8

(74.8)

25.1

(77.2)

25.1

(77.2)

25.0

(77.0)

24.9

(76.8)

21.6

(70.9)

21.5

(70.7)

22.9

(73.2)

21.7

(71.1)

21.5

(70.7)

21.5

(70.7)

23.1

(73.6)

Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) 13.8

(56.8)

14.9

(58.8)

16.3

(61.3)

17.0

(62.6)

17.6

(63.7)

17.6

(63.7)

16.3

(61.3)

16.1

(61.0)

15.7

(60.3)

14.9

(58.8)

14.0

(57.2)

13.2

(55.8)

15.6

(60.1)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) 4.3

(39.7)

5.1

(41.2)

7.5

(45.5)

8.7

(47.7)

10.2

(50.4)

10.5

(50.9)

10.8

(51.4)

10.7

(51.3)

8.6

(47.5)

8.1

(46.6)

6.6

(43.9)

4.8

(40.6)

8.0

(46.4)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) −4.5

(23.9)

−1.6

(29.1)

−0.8

(30.6)

−0.2

(31.6)

2.0

(35.6)

3.4

(38.1)

3.9

(39.0)

3.7

(38.7)

0.2

(32.4)

1.0

(33.8)

−0.5

(31.1)

−1.4

(29.5)

−4.5

(23.9)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 3.7

(0.15)

2.0

(0.08)

14.6

(0.57)

33.4

(1.31)

41.1

(1.62)

38.5

(1.52)

174.9

(6.89)

155.6

(6.13)

15.6

(0.61)

15.4

(0.61)

20.4

(0.80)

3.4

(0.13)

518.6

(20.42)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 1.0 mm) 0 0 2 4 5 4 13 12 2 2 2 1 47
Umdità relattiva medja (%) 54 48 46 49 48 48 76 80 59 63 66 61 58.2
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 291.4 260.4 275.9 264.0 257.3 219.0 151.9 158.1 213.0 272.8 276.0 282.1 2,921.9
Persentaġġ ta' possibbiltà ta' jiem xemxin 84 81 75 71 65 57 38 41 59 76 82 82 67
Sors 1: NOAA[18]
Sors 2: Meteo Climat (temp. estremi)[19]
Il-Mużew Nazzjonali tal-Eritrea f'Asmara.

Fil-belt hemm il-Mużew Nazzjonali tal-Eritrea. Sikwit il-belt tkun il-punt tat-tluq tal-kompetizzjoni taċ-ċikliżmu tat-Tour tal-Eritrea.

Il-belt hija magħrufa għall-binjiet tagħha tal-bidu tas-seklu 20, inkluż iċ-Cinema Impero bi stil Art Déco (li nfetaħ fl-1937 u li jitqies mill-esperti bħala wieħed mill-ifjen eżempji fid-dinja ta' binjiet bi stil Art Déco),[20] il-Binja Kubista tal-Pensjoni Afrikana, il-Katidral Eklettiku Ortodoss Eritrean ta' Enda Mariam u l-eks Teatru Eklettiku tal-Opri, il-Binja Futurista ta' Tagliero tal-Fiat, il-Knisja Neo-Rumaneska tal-Madonna tar-Rużarju ta' Asmara, u l-Palazz Neo-Klassiku tal-Gvernatur. Il-belt fiha diversi vilel u djar kbar tal-kolonjaliżmu Taljan, u eżempju prominenti fosthom hi l-Binja tal-Bank Dinji. Il-biċċa l-kbira ta' Asmara ċentrali nbniet bejn l-1935 u l-1941, għaldaqstant it-Taljani effettivament irnexxielhom jibnu kważi belt sħiħa f'sitt snin biss.[21] Dak iż-żmien, id-dittatur Benito Mussolini kellu pjanijiet kbar għat-tieni Imperu Ruman fl-Afrika. Il-gwerra waqqfet kollox ħesrem, iżda l-allokazzjoni ta' fondi min-naħa tiegħu ħolqot il-belt ta' Asmara kif inhi llum il-ġurnata, li suppost kellha tkun simbolu tal-Faxxiżmu kolonjali ta' dak iż-żmien.

Il-kompetizzjoni taċ-ċikliżmu tat-Tour ta' Eritrea f'Asmara, l-Eritrea.

Il-belt hija vetrina tal-biċċa l-kbira tal-istili arkitettoniċi tal-bidu tas-seklu 20. Xi binjiet huma Neo-Rumaneski, bħall-Knisja tal-Madonna tar-Rużarju, filwaqt li xi vilel inbnew bi stil Vitorjan aħħari. L-influwenzi tal-Art Deco huma preżenti fil-belt kollha. L-essenzi tal-Kubiżmu joħorġu fid-dieher fil-Binja tal-Pensjoni Afrikana, u f'kollezzjoni żgħira ta' binjiet. Il-Binja ta' Tagliero tal-Fiat toħroġ fid-dieher kważi l-qofol tal-Futuriżmu, meta kien dan l-istil kien qed jaqbad sew fl-Italja.

Asmara hija magħrufa bħala belt eċċezzjonalment moderna, mhux biss minħabba l-arkitettura tagħha, iżda Asmara kellha wkoll iktar dwal tat-traffiku milli kellha Ruma meta l-belt kienet qed tinbena. Il-belt tinkorpora bosta karatteristiċi ta' belt ippjanata.

Ristoranti, bars u kafetteriji

[immodifika | immodifika s-sors]

Asmara għandha toroq wesgħin, ristoranti, pjazez, bars u kafetteriji, filwaqt li bosta mit-toroq ewlenin huma mżejna bis-siġar tal-palm. L-ikel u l-kultura ispirati mill-Italja huma preżenti ħafna u ġew introdotti matul żmien l-Eritrea Taljana. Hemm bosta ristoranti u kafetteriji minn fejn wieħed jista' jieħu espresso, cappuccino u latte ta' kwalità għolja, kif ukoll ġelateriji u ristoranti li jservu ikel Eritrean Taljan. Platti komuni tal-gastronomija Eritreana Taljana huma l-"Pasta al Sugo e Berbere", jiġifieri "għaġin biz-zalza u l-berbere (ħwawar)", "lasagna" u "cotoletta alla milanese" (flett tal-laħam bil-panura).[22][23]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Binja ta' Tagliero tal-Fiat.

Asmara ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2017, u b'hekk saret l-ewwel belt Modernista li tniżżlet kollha kemm hi fil-lista. Dan seħħ matul il-41 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Il-belt għandha eluf ta' binjiet bi stil Art Deco, Futurist, Modernist, u Razzjonalist, li nbnew matul il-perjodu tal-Eritrea Taljana. Il-belt, imlaqqma "La piccola Roma" ("Ruma Żgħira"), tinsab 'il fuq minn 2,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, u kienet post ideali għall-kostruzzjoni minħabba l-klima relattivament friska; l-arkitetti użaw materjali lokali kif ukoll Taljani.

Xi binjiet notevoli jinkludu l-Binja ta' Tagliero tal-Fiat, il-Bar Zilli, it-teatru tal-opri, lukandi u ċinema, bħaċ-Cinema Impero.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1] Iċ-Ċentru Storiku ta' Asmara tqiegħed fil-Lista tal-2006 tal-Fond Dinji tal-Monumenti bħala wieħed mill-iżjed 100 sit fil-periklu. Din il-lista kienet maħsuba biex tiġbed iktar attenzjoni lejn il-belt biex iċ-ċentru jiġi salvat mid-deterjorament, jiġi żviluppat mill-ġdid u jiġi promoss ir-restawr. Wara CARP (inizjattiva tal-Bank Dinji dwar il-Wirt Kulturali), id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE) f'Asmara impenjat ruħha fi Proġett tal-Wirt għar-restawr tal-binjiet u għall-ġestjoni tal-arkivji. Fl-2010 ġie varat il-Proġett Kulturali tal-UE/Eritrea u kien mistenni li jitlesta sal-2014.

Il-Knisja tal-Madonna tar-Rużarju, Asmara.

Erba' attrazzjonijiet prinċipali kbar tal-belt huma l-Knisja Kattolika tal-Madonna tar-Rużarju, il-Katidral Kattoliku Koptiku ta' Kidane, il-Katidral ta' Enda Mariam tal-Knisja Ortodossa Tewahedo tal-Eritrea, u l-Moskea Iżlamika ta' Al Khulafa Al Rashiudin. Il-popolazzjoni fir-Reġjun Ċentrali, fejn hemm Asmara, hija 89 fil-mija Kristjana (kważi 84 fil-mija Ortodossa, 4 fil-mija Kattolika Rumana, u iktar minn 1 fil-mija Protestanta) u 5 fil-mija Musulmana.

Asmara hija wkoll is-sede tal-arċisqof tal-Knisja Ortodossa Tewahedo tal-Eritrea, li saret awtoċefala fl-1993. L-arċisqof fl-1998 ġie elevat għall-grad ta' Patriarka tal-Eritrea.

Il-Linja tal-Ajru tal-Eritrea, il-Korporazzjoni tat-Telekomunikazzjoni tal-Eritrea, u kumpaniji oħra għandhom is-sede tagħhom fil-belt. L-istazzjon televiżiv nazzjonali Eri-TV għandu bosta studjos f'diversi żoni fil-belt kapitali.

Il-Birrerija ta' Asmara, li nbniet fl-1939 bl-isem ta' Melotti, tinsab fil-belt u timpjega 600 ruħ. Il-birrerija tipproduċi l-birra ta' Asmara u xorb alkoħoliku ieħor bħar-rum u l-ġin. Il-birrerija hija s-sid u l-isponsor ukoll tat-tim lokali tal-futbol Asmara Brewery FC, xi kultant imsejjaħ ukoll "Asmara Birra".

Il-ferrovija bl-istim fil-Linja Ferrovjarja tal-Eritrea ftit 'il barra minn Asmara.

Wara l-indipendenza tal-Eritrea, it-toroq ta' Asmara sarulhom proġetti estensivi ta' kostruzzjoni. It-toroq l-antiki ġew rinnovati u nbnew ukoll awtostradi ġodda. Hemm ħames toroq primarji biex wieħed joħroġ minn Asmara.

L-Ajruport Internazzjonali ta' Asmara jaqdi l-belt b'bosta titjiriet internazzjonali. L-Ajruport Internazzjonali ta' Massawa huwa ajruport alternattiv fil-qrib.

Mill-1999, hemm total ta' 317-il kilometru ta' binarji b'gejġ dejjaq ta' 950 mm (3 piedi 1+38 pulzier) fl-Eritrea. Il-Linja Ferrovjarja tal-Eritrea nbniet bejn l-1887 u l-1932. Wara li ġarrbet ħsarat estensivi matul it-Tieni Gwerra Dinjija u fil-ġlied ta' wara, ingħalqet sezzjoni wara l-oħra, bl-għeluq finali fl-1978. Wara l-indipendenza, sar sforz ta' rikostruzzjoni, u l-ewwel sezzjoni rikostruwit infetħet fl-2003. Mill-2009, is-sezzjoni minn Asmara sa Massawa kienet ġiet rikostruwita għalkollox u saret disponibbli għas-servizz.

Asmara dejjem kienet ċentru nazzjonali tal-edukazzjoni, u fiha hemm bosta skejjel primarji, sekondarji u postsekondarji. Fiha kien hemm ukoll l-Università ta' Asmara li ġiet stabbilita fl-1958 u li ngħalqet fl-2006, wara l-ftuħ ta' università f'Mai Nefhi. Matul il-perjodu tal-Federazzjoni u l-Annessjoni Etjopjana, l-università kienet ikkollegata wkoll mal-ikbar istituzzjoni terzjarja tan-nazzjon f'dak iż-żmien, l-Università ta' Addis Ababa.

Universitajiet u kulleġġi

[immodifika | immodifika s-sors]
  • L-Università ta' Asmara (1958-2006);
  • l-Istitut tat-Teknoloġija tal-Eritrea.

Skejjel primarji u sekondarji

[immodifika | immodifika s-sors]

Skejjel internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]
  • L-Iskola tal-Komunità Internazzjonali ta' Asmara – skola internazzjonali Anglofona;
  • l-Iskola Taljana ta' Asmara – skola primarja Taljana b'dipartiment ta' Montessori (1903-2020).

Asmara hija maqsuma fi 13-il distrett jew żona amministrattiva. Dawn id-distretti huma maqsuma mill-ġdid fiż-żoni tat-Tramuntana, tal-Majjistral, tal-Grigal, tax-Xlokk, tal-Lbiċ, tal-Lvant, tal-Punent u Ċentrali. It-tlettax-il distrett (jew Neous Zobas) huma:

Tramuntana
  • Id-Distrett ta' Akhria;
  • id-Distrett ta' Abbashaul;
  • id-Distrett ta' Edaga Hamus.
Grigal
  • Id-Distrett ta' Arbaete Asmara.
Majjistral
  • Id-Distrett ta' Mai Temenai;
  • id-Distrett ta' Paradiso.
Lbiċ
  • Id-Distrett ta' Sembel.
Xlokk
  • Id-Distrett ta' Kahawuta;
  • id-Distrett ta' Godaif.
Ċentrali
  • Id-Distrett ta' Maakel Ketema.
Punent
  • Id-Distrett ta' Tiravolo;
  • id-Distrett ta' Tsetserat.
Lvant
  • Id-Distrett ta' Gheza Banda;
  • id-Distrett ta' Gejeret.

Nies notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Asmara: A Modernist African City". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.
  2. ^ "An African City's Unusual Preservation Legacy - Neighborhoods - The Atlantic Cities". web.archive.org. 2012-03-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-03-12. Miġbur 2024-02-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Eritrea capital Asmara makes World Heritage list" (bl-Ingliż). 2017-07-08. Miġbur 2024-02-29.
  4. ^ "Arbate Asmara: the origin of the city |". web.archive.org. 2019-07-15. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-07-15. Miġbur 2024-02-29.
  5. ^ Pankhurst, Richard (1982). History Of Ethiopian Towns. Steiner. p. 73. ISBN 9783515032049.
  6. ^ Palin, Michael (2007). Eritrea. Chalfont St Peter, ir-Renju Unit: Bradt Travel Guides Ltd. p. 82. ISBN 978-1-84162-171-5.
  7. ^ AA.VV. (1994). Guida dell'Africa Orientale Italiana (bit-Taljan). Milan: Consociazione Turistica Italiana. p. 199.
  8. ^ Ambraseys, Nicolas; Melville, C.P.; Adams, R.D. (1994). The Seismicity of Egypt, Arabia and the Red Sea: A Historical Review. Cambridge University Press. ISBN 0-521-39120-2.
  9. ^ Roman Adrian Cybriwsky, Capital Cities around the World: An Encyclopedia of Geography, History, and Culture, ABC-CLIO, l-Istati Uniti, 2013, p. 19
  10. ^ "Benvenuto sul sito del Maitacli". web.archive.org. 2011-07-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-22. Miġbur 2024-02-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ "Pjanta arkitettonika ta' Asmara" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2020-04-07. Miġbur 2024-02-29.
  12. ^ Gunther, John (1955). Inside Africa. Harper & Brothers. p. 278. ISBN 0836981979.
  13. ^ "Asmara, the capital of Art Deco" (bl-Ingliż). 2017-07-14. Miġbur 2024-02-29.
  14. ^ Encyclopedia of Urban Cultures. Grolier Publishing Co. 2002. ISBN 9780717256983.
  15. ^ Semere, Soloman (2005). "Groundwater study using remote sensing and geographic information systems (GIS) in the central highlands of Eritrea". Hydrogeology Journal. 14 (5): 729–741.
  16. ^ Semere, Soloman (2005). "Groundwater study using remote sensing and geographic information systems (GIS) in the central highlands of Eritrea". Hydrogeology Journal. 14 (5): 729–741.
  17. ^ Ghebrezgabher, Mihretab (2015). "Extracting and analyzing forest and woodland cover change in Eritrea based on Landsat data using supervised classification". The Egyptian Journal of Remote Sensing and Space Science. 19 (1): 37–47.
  18. ^ Atlas, Weather. "Yearly & Monthly weather - Asmara, Eritrea". Weather Atlas (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.
  19. ^ "Asmara Climate Asmara Temperatures Asmara, Eritrea Weather Averages". www.climate.top. Miġbur 2024-02-29.
  20. ^ Gianluca Rossi, Renzo Martinelli inviato de La Nazione, 2009.
  21. ^ "BBC - (none) - Sunday Feature - Africa - Reviving Asmara". www.bbc.co.uk. Miġbur 2024-02-29.
  22. ^ "Asmara, la più bella città africana | Ghostarchive". ghostarchive.org. Miġbur 2024-02-29.
  23. ^ "L-ikel u x-xorb f'Asmara" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-29.