[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Žehra

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Žehra
 Slovakkja
Amministrazzjoni
Stat sovranSlovakkja
Region of SlovakiaReġjun ta' Košice
District of SlovakiaDistrett ta' Spišská Nová Ves
Isem uffiċjali Žehra
Ismijiet oriġinali Žehra
Kodiċi postali 053 61 (pošta Spišské Vlachy)
Ġeografija
Koordinati 48°58′46″N 20°47′33″E / 48.9794°N 20.7925°E / 48.9794; 20.7925Koordinati: 48°58′46″N 20°47′33″E / 48.9794°N 20.7925°E / 48.9794; 20.7925
Žehra is located in Slovakia
Žehra
Žehra
Žehra (Slovakia)
Superfiċjenti 9.658 kilometru kwadru
Għoli 426 m
Demografija
Popolazzjoni 2,602 abitanti (1 Jannar 2021)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1245
Kodiċi tat-telefon 053
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
obeczehra.sk

Žehra (bil-Ġermaniż: Schigra; bl-Ungeriż: Zsigra) huwa villaġġ u muniċipalità fid-Distrett ta' Spišská Nová Ves fir-Reġjun ta' Košice fiċ-ċentru/fil-Lvant tas-Slovakkja.

Il-villaġġ jinsab f'altitudni ta' 426 metru[1] u jkopri erja ta' 9.66 km².[2] Għandu popolazzjoni ta' madwar 2,650 ruħ.[3]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu f'Žehra hija parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bit-titlu "Levoča, il-Kastell ta' Spiš u l-monumenti kulturali assoċjati" li ġie ddeżinjat fl-1993. Inizjalment is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kien jinkludi biss il-Kastell ta' Spiš iżda mbagħad ġie estiż fl-2009 biex jinkludi l-komponenti l-oħra inkluż il-Kunvent ta' Spiš.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju tal-għażla wieħed tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]

Knisja tal-Ispirtu s-Santu

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-villaġġ issemma għall-ewwel darba fir-rekords lokali fl-1245, meta l-Konti Johann ta' Žehra ngħata l-permess biex jibni knisja hemmhekk mill-awtoritajiet tal-knisja ta' Spiš.

Il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu tlestiet fl-1275. Hija notevoli għad-dehra pittoreska tagħha fil-quċċata ta' għolja żgħira 'l fuq mill-villaġġ, u għall-affreski tal-għaġeb tagħha. L-affreski waslu sa żminijietna minkejja l-ħsarat li ġarrbet il-binja matul is-snin, inkluż nirien fis-seklu 15 li ħakmu l-binja u qerdu s-saqaf oriġinali. Il-kumplament tal-binja huwa magħmul minn struttura b'navata unika, imsaqqfa b'koppli b'għamla ta' basal tas-seklu 17.

L-eqdem affreski mal-ħitan huma sett ta' tmien slaleb tal-konsagrazzjoni, li jimmarkaw il-punti fejn il-binja oriġinali kienet ġiet imbierka bl-ilma mqaddes u jmorru lura għas-seklu 13.

Iktar 'il quddiem fis-seklu 13, stadju ieħor ta' tpittir huwa kkaratterizzat mix-xbieha tal-Golgota fuq it-timpanu tad-daħla tan-Nofsinhar tal-knisja.

Fost l-affreski fis-santwarju, li jmorru lura għas-seklu 14, b'influwenza Biżantina, hemm rappreżentazzjonijiet tal-Aħħar Ġudizzju, tal-Aħħar Ċena, tat-Tneħħija mis-Salib u ta' San Cosmas u San Damjan, il-qaddisin patruni tat-tobba.

Il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu.

Mal-ħajt tat-Tramuntana hemm żewġ affreski notevoli qishom f'"gwarniċ", wieħed tal-Pjetà, u l-ieħor simboliku bis-Siġra tal-Ħajja li jiddrammatizza t-trijonf tal-Knisja fuq is-Sinagoga. L-affreski li saru wara jmorru lura għas-seklu 15.

Dawn il-pitturi ġew ippreservati peress li wara tifqigħa tal-pesta fis-seklu 17, il-knisja minn ġewwa ġiet miksija bit-tkaħħil tal-ġebla tal-ġir għad-diżinfettar. L-affreski reġgħu ġew skoperti fis-snin 50 tas-seklu 20 meta t-tkaħħil tneħħa bl-użu tal-ġobon rurali, teknika effettiva għal dan l-iskop minħabba li fih il-każeina.

Il-knisja ġiet iddikjarata Monument Nazzjonali taċ-Ċekoslovakkja fl-1985, u fl-1993 tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mal-Kastell ta' Spiš, il-Kunvent ta' Spiš, ir-Riżerva Naturali Nazzjonali ta' Dreveník (formazzjoni tat-travertin), u mill-2009 ir-raħal ta' Levoča fil-qrib.[5]

  1. ^ "DATAcube". datacube.statistics.sk. Miġbur 2023-04-02.
  2. ^ "DATAcube". datacube.statistics.sk. Miġbur 2023-04-02.
  3. ^ "DATAcube". datacube.statistics.sk. Miġbur 2023-04-02.
  4. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Levoča, Spišský Hrad and the Associated Cultural Monuments". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-02.
  5. ^ Blascakova, M.; Poracova, J.; Mydlar, J.; Zahatnanska, M. (2011). "Law Protected Plants Of National Nature Reserve Dreveník (Hornád Basin) In Project Learning". Acta Horticulturae. 920: 167–173.