[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Monasteru ta' Batalha

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Monasteru ta' Batalha huwa wieħed mill-iżjed siti Gotiċi importanti fil-Portugall.

Il-Monasteru ta' Batalha (bil-Portugiż: Mosteiro da Batalha) huwa monasteru Dumnikan li jinsab fil-muniċipalità ta' Batalha, fid-distrett ta' Leiria, fir-reġjun ċentrali tal-Portugall. Oriġinarjament u uffiċjalment magħruf bħala l-Monasteru ta' Santa Marija tal-Vitorja (bil-Portugiż: Mosteiro de Santa Maria da Vitória), inbena b'kommemorazzjoni tal-Battalja ta' Aljubarrota tal-1385 u ntuża bħala l-knisja fejn fis-seklu 15 indifnu l-membri tad-dinastija rjali Portugiża, Aviz. Huwa wieħed mill-aqwa eżempji u fost l-iżjed oriġinali tal-arkitettura Gotika Aħħarija fil-Portugall, b'elementi tal-istil Manwelin.

Il-Monasteru ta' Batalha.

Il-monasteru nbena b'ħajr lill-Madonna għar-rebħa Portugiża kontra l-Kastiljani fil-Battalja ta' Aljubarrota fl-1385, b'rispett għal wegħda li kien għamel ir-Re Ġwanni I tal-Portugall. Il-battalja temmet il-Kriżi tal-1383-1385.

Dam iktar minn seklu biex inbena, mill-1386 sal-ħabta tal-1517, tul ir-renju ta' seba' rejiet. Kienu meħtieġa l-isforzi ta' ħmistax-il arkitett (Mestre das Obras da Batalha), għalkemm seba' minnhom kellhom biss titlu onorarju. Il-kostruzzjoni kienet teħtieġ sforz enormi, b'riżorsi umani u materjal straordinarji. Intużaw tekniki u stili artistiċi ġodda, li qabel ma kinux magħrufa fil-Portugall.

Veduta tal-kjostru ta' D. João I.

Ix-xogħol inbeda fl-1386 mill-arkitett Portugiż Afonso Domingues, li kompla sal-1402. Huwa fassal il-pjanta, u bosta mill-istrutturi fil-knisja u l-kjostru huma xogħlu. L-istil tiegħu essenzjalment kien Gotiku Rayonnant; madankollu, hemm influwenzi mill-Perjodu Perpendikolari Ingliż. Hemm similaritajiet mal-faċċata tal-Monasteru ta' York u man-navata u t-transett tal-Katidral ta' Canterbury.

Minfloku laħaq Huguet mill-1402 sal-1438. Dan l-arkitett, li x'aktarx li kellu dixxendenza Katalana, introduċa l-istil Gotiku Elaborat, immanifestat fil-faċċata prinċipali, fil-koppla tas-sala kapitolari, fil-Kappella tal-Fundatur, fl-istruttura bażika tal-Kappelli Mhux Kompluti u fin-navati tat-Tramuntana u tal-Lvant tal-kjostru prinċipali. Huwa żied l-għoli tan-navata għal 32.46 metru. Billi altera l-proporzjonijiet, irnexxielu jikseb l-effett li l-knisja minn ġewwa tidher ferm idjaq milli hi. Huwa lesta wkoll it-transett, iżda laħaq miet qabel ma seta' jlesti l-Kappelli Mhux Kompluti.

Matul ir-renju ta' Afonso V tal-Portugall, l-arkitett Portugiż Fernão de Évora kompla bil-kostruzzjoni bejn l-1448 u l-1477. Huwa żied il-Kjostru ta' Afonso V. Warajh laħaq l-arkitett Mateus Fernandes ix-Xiħ bejn l-1480 u l-1515. Dan il-mastru tal-istil Manwelin ħadem fuq il-portal tal-Kappelli Mhux Kompluti. Flimkien mal-arkitett famuż Diogo Boitac huwa wettaq il-lavur tal-arkati fil-Kjostru Rjali. Ix-xogħol fuq il-monasteru baqa' għaddej matul ir-renju ta' Ġwanni III tal-Portugall biż-żieda tat-tribuna Rinaxximentali fina (1532) ta' João de Castilho. Il-kostruzzjoni waqfet ħesrem meta r-re ddeċieda li jalloka l-isforzi kollha tiegħu għall-kostruzzjoni tal-Monasteru tal-Ġlormini f'Liżbona.

Veduta laterali tal-monasteru u l-istatwa ta' Nuno Álvares Pereira.

It-terremot tal-1755 ikkawża xi ħsarat, iżda ħsarat ferm estensivi ġew ikkawżati mit-truppi ta' Napuljun taħt il-Marexxall Masséna, li serqu l-kumpless u tawh in-nar fl-1810 u fl-1811. Meta d-Dumnikani tkeċċew mill-kumpless fl-1834, il-knisja u l-monasteru ġew abbandunati u sfaw mitluqa għad-destin tagħhom.

Fl-1840, ir-Re Ferdinandu II tal-Portugall beda programm ta' restawr tal-monasteru abbandunat u mitluq, u b'hekk salva din il-ġawhra tal-arkitettura Gotika. Ir-restawr dam sal-bidu tas-seklu 20. Wieħed mill-aħħar arkitetti kien il-mastru bennej Jose Patrocinio de Sousa, li kien responsabbli għar-rikostruzzjoni tal-monasteru. Ġie ddikjarat bħala Monument Nazzjonali fl-1907. Fl-1980 il-monasteru ġie kkonvertit f'mużew.

Il-Monasteru ta' Batalha tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]

Il-portal prinċipali tal-monasteru.

Il-monasteru jinsab 'il barra mir-raħal. Il-faċċata tal-Punent, li tħares lejn pjazza kbira bl-istatwa tal-Ġeneral Nuno Álvares Pereira riekeb iż-żiemel, hija maqsuma fi tlieta bir-riffieda u b'pilastri enormi: il-Kappella tal-Fundatur (Capelo do Fundador), il-ħajt laterali ta' korsija u l-portal ipprojettat 'il barra. Fuq in-naħa tal-lemin ta' din il-faċċata hemm il-Kappelli Mhux Kompluti (Capelas Imperfeitas), struttura ottagonali separata li ġiet miżjuda mal-kumpless.

Fuq in-naħa tal-Lvant, maġenb il-kor tal-knisja hemm is-Sala Kapitolari (Sala do Capítulo). Il-Kjostru tar-Re João I imiss mal-knisja u din is-sala kapitolari. L-istruttura tkompli fil-kjostru tar-Re Afonso V (Claustro de D. Afonso V). Fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-kumpless hemm il-Qabar tas-Suldat Mhux Magħruf tal-Ewwel Gwerra Dinjija.

Fl-arċivolta tal-portal hemm sensiela ta' 78 statwa, maqsuma f'sitt ringieli, ta' rejiet, ta' anġli, ta' profeti u ta' qaddisin tat-Testment il-Qadim, kull waħda taħt baldakkin. Il-ġnub tal-portal fihom (kopji inferjuri ta') statwi tal-appostli, u waħda mill-istatwi tinsab bilwieqfa fuq xitan bil-ktajjen. It-timpanu juri lil Kristu Re fuq it-tron, bilqiegħda taħt baldakkin u maġenbu hemm l-erba' Evanġelisti, kull wieħed bl-attribut tiegħu stess.

In-navata prinċipali.

Il-knisja hija kbira u dejqa (22 metru), fi proporzjon mal-għoli tagħha (32.4 metru). In-navata ġiet olzata għall-għoli attwali tagħha mit-tieni arkitett, Huguet, li altera l-proporzjonijiet tal-knisja u taha d-dehra attwali tagħha. Minn ġewwa tagħti impressjoni trankwilla u sempliċi mingħajr wisq ornamenti u statwi fin-navata. Il-volti mrikkbin, mirfuda mill-pilastri komposti, jintemu b'ġebliet tax-xewka mżejnin. Id-dawl jidħol fil-knisja minn ġo għaxar twieqi bil-ħġieġ ikkulurit tal-klerestorju u mit-twieqi twal imżejnin fil-ħitan laterali u t-transett, kif ukoll minn ġo żewġ ringieli ta' twieqi ppuntati fil-kor. Il-kor huwa estiż f'żewġ transetti b'żewġ niċeċ u jikkonsisti minn ħames kappelli apsidali, b'waħda ċentrali ħierġa 'l barra.

F'Batalha x'aktarx li kien hemm l-ewwel studjo tat-twieqi tal-ħġieġ ikkulurit fil-Portugall. L-arti ġiet introdotta fil-Portugall minn artisti Ġermaniżi mir-reġjuni ta' Franconia u Nuremberg. L-eqdem twieqi jmorru lura għall-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 15. Iżda t-twieqi tal-ħġieġ ikkulurit Manwelini fil-kor imorru lura għas-snin 20 u 30 tas-seklu 16 u ġew prodotti minn mastri Portugiżi, fosthom Francisco Henriques. Dawn jirrappreżentaw xeni mill-ħajja ta' Ġesù u ta' Santa Marija: il-Viżitazzjoni, l-Epifanija, il-Ħarba lejn l-Eġittu u l-Irxoxt ta' Kristu.

L-arkitett Mateus Fernandes u martu ndifnu taħt qabar-ħaġra tal-irħam qrib il-portal. Il-qabar tal-kavallier Martim Gonçalves de Maçada, li salva lir-re matul il-Battalja ta' Aljubarrota, tinsab qrib il-Kappella tal-Fundatur.

Kappella tal-Fundatur

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Qabar ta' Ġwanni I u Filippa.

Il-Kappella kwadra tal-Fundatur (bil-Portugiż: Capela do Fundador) inbniet bejn l-1426 u l-1434 mill-arkitett Huguet skont l-ordnijiet tar-Re Ġwanni I u saret l-ewwel panteon irjali fil-Portugall. Tagħti sinteżi perfetta bejn il-Gotiku Elaborat u l-istil Perpendikolari Ingliż, peress li Filippa ta' Lancaster kienet ġabet magħha xi arkitetti Ingliżi. Il-kappella tikkonsisti minn tliet niċeċ kunċettwali u ottagonu ċentrali mirfud minn tmien pilastri mżejna, li min-naħa tagħhom jirfdu għadd ta' ħnejjiet fondi.

Il-qabar konġunt tar-Re Ġwanni I tal-Portugall (li miet fl-1433) u ta' martu Filippa ta' Lancaster (li mietet fl-1415) jinsab taħt il-volta b'għamla ta' stilla tal-ottagonu. L-istatwi tagħhom huma mżejnin b'mod solenni, id f'id xulxin (espressjoni tar-relazzjonijiet tajbin bejn il-Portugall u l-Ingilterra), u b'rashom mistrieħa fuq imħadda, taħt baldakkini mżejna b'mod elaborat. L-istemma tad-dinastiji ta' Aviz u ta' Lancaster jinsabu fuq dawn il-baldakkini, flimkien mal-arma tal-Ordni tat-Takkalja. Fuq l-għatu tal-qabar hemm il-kitba mnaqqxa ripetuta tal-mottos tar-re Por bem ("għall-aħjar") u tar-reġina Yl me plet ("Jiena kuntenta").

L-Oqbra tal-erba' prinċpijiet (mix-xellug għal-lemin): Ferdinandu, Ġwanni, Enriku u Pietru.

Dan l-ottagonu huwa mdawwar b'ambulatorju b'volti kumplessi. Fil-ħajt tan-Nofsinhar hemm ringiela ħnejjiet imdaħħla fil-ħajt bl-oqbra tal-erba' ulied iż-żgħar ta' Ġwanni I, flimkien mal-konjugi tagħhom. Mix-xellug għal-lemin: Ferdinandu l-Prinċep Sagru (għażeb, li miet priġunier f'Fes fl-1443; il-fdalijiet ta' ġismu iktar 'il quddiem ġew irkuprati u ttrasferiti hawnhekk fl-1473); Ġwanni ta' Reguengos, il-Kuntistabbli tal-Portugall (li miet fl-1442), ma' martu Isabella ta' Barcelos (li mietet fl-1466); Enriku n-Navigatur (taħt baldakkin, li miet fl-1460, għażeb); u Pietru ta' Coimbra (reġġent għal Afonso V, 1438-1448, li nqatel fil-Battalja ta' Alfarrobeira fl-1449; il-fdalijiet tiegħu ġew ittrasferiti hawnhekk fl-1456) ma' martu Isabella ta' Urgell (li mietet fl-1459).

It-tliet oqbra mal-ħajt tal-Punent huma kopji tal-oqbra oriġinali tar-Re Afonso V (li rrenja bejn l-1438 u l-1481), ta' Ġwanni II (li rrenja bejn l-1481 u l-1495; vojt minħabba li s-suldati ta' Masséna remew l-għadam) u ta' ibnu u l-eredi, il-Prinċep Afonso (li miet f'aċċident meta kellu sbatax-il sena, qabel il-mewt ta' missieru).

Kappelli Mhux Kompluti

[immodifika | immodifika s-sors]

As Capelas Imperfeitas ("Il-Kappelli Mhux Kompluti") huma tfakkira li l-monasteru fil-fatt qatt ma tlesta. Dawn jiffurmaw struttura ottagonali separata infilzati mal-kor tal-knisja (permezz ta' retrokor) u aċċessibbli biss minn barra. Ġew ikkummissjonati fl-1437 mir-Re Dwardu tal-Portugall ("Dom Duarte", li miet fl-1438) bħala t-tieni mawżolew irjali għalih innifsu u għad-dixxendenti tiegħu. Iżda hu u r-reġina tiegħu Eleanor ta' Aragona huma l-uniċi li ndifnu hemmhekk (Eleanor mietet fl-eżilju f'Toledo fl-1445; il-fdalijiet tagħha ġew ittrasferiti hawnhekk fl-1456).

Il-Kappelli Mhux Kompluti minn ġewwa.

Id-disinn oriġinali, mibdi minn Huguet, ġie alterat minn diversi arkitetti li ġew warajh, speċjalment Mateus Fernandes (li huwa midfun fil-knisja). Ir-rotunda ottagonali għandha seba' kappelli eżagonali li jirradjaw minnha. Fil-kantunieri tal-kappelli hemm ir-riffieda enormi mhux kompluti li kienu maħsuba biex jirfdu l-volta. Dawn il-pilastri, iddisinjati minn Diogo Boitac, huma mżejna b'motivi Manwelini mnaqqxa fil-ġebel.

Il-portal għandu għoli monumentali ta' ħmistax-il metru. Oriġinarjament inbena bi stil Gotiku, iżda ġie ttrasformat minn Mateus Fernandes f'kapulavur tal-istil Manwelin (tlesta fl-1509). Huwa mżejjen minn fuq s'ifel b'lavur lussuż u elaborat ta' motivi Manwelini stilizzati: sferi tan-navigazzjoni marittima, anġli bil-ġwienaħ, ċimi, ċrieki, zkuk tas-siġar, arkati b'għamla ta' trifolju u tiżjin bil-fjuri. Dan il-ġieħ tar-Re Manwel I lill-predeċessur tiegħu r-Re Dwardu jsemmi wkoll il-motto Leauté faray tam yaserei ("Inkun leali dejjem"). Dan il-motto mbagħad jiġi ripetut għal iktar minn mitejn darba fl-arkati, fil-volti u fil-pilastri tal-kappelli.

Il-loġoġ Rinaxximentali, li ġew miżjuda għall-ħabta tal-1533, x'aktarx li kienu maħsuba għall-mużiċisti u ġew attribwiti lill-arkitett João de Castilho.

Sala Kapitolari

[immodifika | immodifika s-sors]

The Chapterhouse (Portuguese: Sala do Capitulo) reminds visitors of the military reason for the monastery's foundation: a military honor guard of two sentinels stands watch over the tombs of two unknown soldiers killed in World War I.

This square room is especially notable for its star vault lacking a central support and spanning a square space of 19 meters on the side. This was such a daring idea at the time that condemned prisoners were used to perform the task. It was completed after two failed attempts. When the last scaffolds were removed, it is said that Huguet spent the night under the vault to silence his critics.

The stained-glass Renaissance window in the east wall dates from 1508. It depicts scenes of the Passion and is attributed to the Portuguese painters Master João and Francisco Henriques.

Kjostru Rjali

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kjostru tar-Re Ġwanni I.

Il-Kjostru Rjali (bil-Portugiż: Claustro Real) ma kienx parti mill-proġett oriġinali. Inbena taħt l-arkitett Fernão de Évora bejn l-1448 u l-1477. Id-dehra sempliċi tiegħu minn barra toħloq kuntrast kbir mal-istil Gotiku Elaborat tal-knisja. It-tiżjin imnaqqax bl-istil Gotiku (inkluż kwadrifolji, ġilju u rużuni) magħmul minn Huguet fl-ambulatorju jifforma kombinament mill-aqwa mal-istil Manwelin fl-arkati, miżjuda iktar 'il quddiem minn Mateus Fernandes. Żewġ disinni differenti jalternaw, wieħed bis-salib tal-Ordni ta' Kristu, u l-ieħor bl-isferi tan-navigazzjoni marittima.

Il-kolonni żgħar li jirfdu dawn l-arkati elaborati, huma mżejna b'motivi spirali, sferi tan-navigazzjoni marittima, żahar tal-lotus, friegħi tal-ward selvaġġ, perli u qxur tal-baħar, u veġetazzjoni eżotika.

Fil-kantuniera tal-Majjistral tal-Kjostru Rjali, hemm struttura magħmula minn Mateus Fernandes, li tikkonsisti minn funtana u żewġ vaski iżgħar fuqha, imdawla bid-dawl li jidħol mil-lavur elaborat tal-arkati ta' madwarha.

Kjostru tar-Re Afonso

[immodifika | immodifika s-sors]

Dan il-kjostru sempliċi maġenb il-Kjostru Rjali nbena bi stil Gotiku konvenzjonali b'arkati doppji ppuntati. Inbena fit-tieni nofs tas-seklu 15 mill-arkitett Fernão de Évora. Joħloq kuntrast mal-istil Manwelin elaborat tal-Kjostru Rjali kemxejn ikbar. Il-ġebliet tax-xewka fil-volta fihom l-istemma ta' D. Duarte I u ta' Afonso V.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Monasteru ta' Batalha ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ".[1]

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Monastery of Batalha". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-23.