Kastell ta' Durham
Il-Kastell ta' Durham huwa kastell tan-Normanni fil-belt ta' Durham, l-Ingilterra, li ilu okkupat mill-Kulleġġ Universitarju mill-1837 wara r-rwol preċedenti tiegħu bħala r-residenza tal-Isqfijiet ta' Durham. Il-kastell ġie ddeżinjat flimkien mal-Katidral ta' Durham bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986. Il-faċilità hija miftuħa għaż-żjarat iggwidati għall-pubbliku ġenerali, peress li jintuża bħala binja operattiva u jospita iktar minn 100 student. Il-kastell jinsab fil-quċċata ta' għolja fuq ix-xmara Wear fil-peniżola ta' Durham, faċċata tal-Katidral ta' Durham.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Storja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kostruzzjoni tal-kastell bl-istil tradizzjonali tan-Normanni nbdiet fl-1072 skont l-ordnijiet ta' William il-Ħakkiem, sitt snin wara l-ħakma Normanna tal-Ingilterra, u ftit wara li n-Normanni ġew għall-ewwel darba fit-Tramuntana. Il-kostruzzjoni seħħet taħt is-superviżjoni ta' Waltheof, il-Konti ta' Northumbria, sa ma rribella kontra William u ġie ġustizzjat fl-1076.[1] Il-ġebel għall-binjiet il-ġodda nqata' mill-irdumijiet ta' taħt is-swar u ttella' bl-argni.[2]
Id-detentur tal-kariga ta' Isqof ta' Durham, l-Isqof William Walcher dak iż-żmien, inħatar mir-re biex jeżerċita awtorità rjali f'ismu, bil-kastell bħala s-sede tiegħu. Skont l-UNESCO:[1]
"Walcher xtara t-titlu ta' Konti [ta' Northumbria] u b'hekk sar l-ewwel Prinċep-Isqof ta' Durham, titlu li baqa' fis-seħħ sas-seklu 19, u li ta status uniku lil Durham fi ħdan l-Ingilterra. Kien taħt Walcher li nbnew ħafna mill-ewwel binjiet tal-kastell. Bħalma kien tipiku tal-kastelli Normanni, kien jikkonsisti minn tumbata fl-art u minn żona fuq ġewwa u fuq barra mdawra bis-swar. Mhuwiex magħruf liema strutturi nbnew l-ewwel. Ma hemmx qbil dwar jekk il-Kastell ta' Durham oriġinarjament kienx struttura tal-ġebel jew tal-injam. Sorsi storiċi jsemmu li t-torri ffortifikat tiegħu nbena bl-injam, iżda hemm biżżejjed evidenza arkeoloġika li tindika li anke fl-aħħar tas-seklu 11 meta nbena għall-ewwel darba, kellu bosta binjiet tal-ġebel.
L-UNESCO tiddeskrivi wkoll ir-rwol tal-Prinċep-Isqof fl-"istat bejn l-Ingilterra u l-Iskozja":[3]
Mill-1075, l-Isqof ta' Durham sar Prinċep-Isqof, bid-dritt li jkollu armata, jizzekka l-muniti tiegħu, u jimponi t-taxxi. Diment li jibqa' leali lir-Re tal-Ingilterra, seta' jiggverna prattikament qisu mexxej awtonomu, u jaħsad il-benefiċċji mit-territorju tiegħu, iżda fl-istess ħin jibqa' attent li jaqdi r-rwol tiegħu li jipproteġi l-fruntiera tat-Tramuntana tal-Ingilterra.
L-Isqfijiet ta' Durham baqgħu jgawdu dawn is-setgħat sal-ħruġ tal-Att ta' Durham (il-Kontea Palatina) tal-1836 li rritornahom lill-monarkija.[4] Rapport ieħor tal-UNESCO b'mod iktar speċifiku jispjega l-ħtieġa għal kastell f'dan il-post:[1]
"F'termini difensivi, il-Kastell ta' Durham kellu importanza strateġika kemm bħala difiża tal-fruntiera problematika mal-Iskozja kif ukoll għall-kontroll tar-ribeljonijiet lokali Ingliżi, li kienu komuni fis-snin eżatt wara l-Ħakma Normanna, u li wasslu għall-Ħakma tat-Tramuntana minn William il-Ħakkiem fl-1069. ... il-Kastell inbena "biex l-isqof u l-unità domestika tiegħu jiġu mħarsa mill-attakki". Dan jagħmel sens – Robert de Comines (jew Cumin), l-ewwel Konti ta' Northumberland maħtur minn William il-Ħakkiem, inqatel brutalment flimkien ma' ta' madwaru fl-1069".
F'Mejju 1080, il-kastell ġie attakkat u assedjat għal erbat ijiem mir-ribelli minn Northumbria, u l-Isqof Walcher inqatel. Fl-1177, ir-Re Enriku II tal-Ingilterra ssekwestra l-kastell wara nuqqas ta' qbil mal-isqof ta' dak iż-żmien Hugh de Puiset (xi kultant magħruf bħala Pudsey).[5]
Fis-seklu 12, l-Isqof Pudsey (Hugh de Puiset) bena l-arkata Normanna u l-kappella tal-Katidral.[6] Alterazzjonijiet kbar oħra saru mill-Isqof Thomas Hatfield fis-seklu 14, inkluż ir-rikostruzzjoni tal-fortizza u tal-għolja mdawra bis-swar.[7]
Il-kastell għandu Sala Kbira, oriġinarjament imsejħa Sala taċ-Ċena, li nħolqot mill-Isqof Antony Bek fil-bidu tas-seklu 14; l-Isqof Hatfield żied gallerija tal-injam għall-kantanti Medjevali. Is-Sala ġiet immodifikata u tkabbret, imbagħad iċċekknet, minn isqfijiet suċċessivi.[8][9] Illum il-ġurnata, is-Sala hija għolja 14-il metru (46 pied) u twila iktar minn 30 metru (98 pied).[7]
Kulleġġ Universitarju
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kastell ta' Durham baqa' jintuża bħala l-palazz tal-isqof għall-Isqof ta' Durham sa meta l-Kastell ta' Auckland sar ir-residenza tal-isqfijiet fl-1832; l-isqof attwali għad għandu uffiċċji f'dak il-kastell, bejn wieħed u ieħor għaxar mili lejn in-Nofsinhar. Sussegwentement, il-Kastell ta' Durham ingħata lill-Università ta' Durham mill-Isqof William Van Mildert u iktar 'il quddiem sar il-Kulleġġ Universitarju.[10] Il-kulleġġ ma kienx jokkupa l-kastell qabel l-1837, wara li l-isqof ta' wara, Edward Maltby, temm ir-rinnovazzjonijiet tal-binja.[11]
Kappelli
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kappella Normanna hija l-eqdem parti aċċessibbli tal-kastell u nbniet għall-ħabta tal-1078. L-arkitettura tagħha hija ta' natura Angljana, possibbilment minħabba x-xogħol imġiegħel Angljan li ntuża għall-bini tagħha. Fis-seklu 15, it-tliet twieqi tagħha ġew imblukkati kollha minħabba l-espansjoni tal-fortizza. B'hekk ma baqgħetx tintuża sal-1841 meta ntużat bħala kuritur ta' aċċess għall-fortizza. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, intużat bħala post ta' kmand u ta' osservazzjoni għall-Forza tal-Ajru Rjali meta ġie rikonoxxut l-użu oriġinali tagħha. Il-Katidral kien fil-mira ta' Baedeker Blitz jew bumbardament mill-ajru mill-Ġermanja iżda ħelisha ħafif bis-saħħa taċ-ċpar li bblokka l-viżjoni tal-bdoti.[12]
Il-kappella ġiet ikkonsagrata mill-ġdid ftit wara l-gwerra u għadha tintuża għas-servizzi ta' kull ġimgħa mill-Kulleġġ Universitarju.[13]
Il-Kappella ta' Tunstall, imsemmija għal Cuthbert Tunstall, inbniet fis-seklu 16 u ntużat għall-qima fi ħdan il-kulleġġ.[14] Din ġiet immodifikata fis-seklu 17 mill-Isqof Cosin.[15]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kastell u l-Katidral ta' Durham ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1986.[16][17]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[16]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Durham Castle - Durham World Heritage Site". www.durhamworldheritagesite.com. Miġbur 2022-05-06.
- ^ "Durham of the Prince Bishops". British Heritage (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.
- ^ "Prince Bishops - Durham World Heritage Site". www.durhamworldheritagesite.com. Miġbur 2022-05-06.
- ^ The Statutes of the United Kingdom of Great Britain and Ireland. His Majesty's Statute and Law Printers. 1836. p. 130.
- ^ The Universal British Directory of Trade, Commerce, and Manufacture. 1790. p. 859.
- ^ The Castle, Durham. T. Caldcleugh. 1892. p. 1.
- ^ a b Page, William (1928). "'The city of Durham: The castle', in A History of the County of Durham: Volume 3". Londra: British History Online. pp. 64–91.
- ^ "The city of Durham: The castle | British History Online". www.british-history.ac.uk. Miġbur 2022-05-06.
- ^ The Castle, Durham. T. Caldcleugh. 1892. pp. 4-5.
- ^ Express, Britain. "Durham Castle | Historic County Durham Guide". Britain Express (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.
- ^ University, Durham; University, Durham. "Van Mildert College". www.durham.ac.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.
- ^ Shaw, Alan. "The tourist guidebook that helped Nazis to blitz British cities" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.
- ^ "Chapels of University College, Durham". web.archive.org. 2011-05-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-05-14. Miġbur 2022-05-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Chapels of University College, Durham". web.archive.org. 2013-04-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-04-04. Miġbur 2022-05-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ The Castle, Durham. T. Caldcleugh. 1892. p. 2.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Durham Castle and Cathedral". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.
- ^ "Durham Castle and Cathedral - 1000089 | Historic England". historicengland.org.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-06.