[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Bloggosfera

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-kelma bloggosfera tirreferi għall-kommunita' ta' bloggs.

Minħabba n-natura tal-bloggs, hemm diversi mezzi ta' kif l-awturi jistgħu jikkomunikaw ma' xulxin, u din toħloq sens ta' kommunita'.

Komunikazzjoni fil-Bloggosfera

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sezzjoni tal-kummenti taħt kull post teżisti biex il-qarrejja jkunu jistgħu joffru l-kummenti tagħhom dwar dak il-post minflok jiktbu ittra elettronika lill-awtur. Kemm l-awtur u kemm il-qarrejja l-oħrajn jistgħu mbagħad jikkummentaw fuq il-kummenti diġa' miktubin, u b'hekk ġieli jsiru kemm diskussjonijiet u kemm argumenti fis-sezzjoni tal-kummenti.

Dawn iservu mhux biss biex il-qarrejja jew bloggaturi jikkommunikaw ma' xulxin, imma wkoll ġieli jsiru jafu b'xi bloggatur ġdid għax ikun ħalla kumment x'imkien.

Isir ukoll l-abbuż tal-kummenti f'diversi modi - pereżempju meta xi ħadd jikteb xi ħaġa kontroversjali u ma jiktibx ismu, jew jikteb biss biex jagħmel xi forma ta' riklam (spam), jew biss joqgħod jgħajjar.

Wieħed jista’ ukoll jikkummenta fuq blogg ieħor billi jikteb fil-blogg tiegħu stess. Dan ukoll iservi bħala riklam għall-blogg l-ieħor u jgħin ikabbar in-nisġa tal-bloggosfera.

Ħafna drabi, jekk bloggatur jieħu pjaċir jaqra blogg ieħor, hu jpoġġi ħolqa permanenti fuq il-blogg tiegħu (fis-sezzjonali msejħa blogroll) ħalli min jaqra tiegħu jsir jaf bl-ieħor. Hemm l-użanza ta' ħolqa reċiproka meta wieħed isir jaf li hemm xi ħadd jagħmel ħolqa għal miegħu.

Il-Bloggosfera Maltija

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-bloggosfera Maltija nsibu diversi tipi ta' nies li jkollhom xi konnessjoni ma' Malta.

Jeżistu ċerti distinzzjonijiet: jekk huma Maltin jew le, jekk jgħixu Malta jew le, u jekk jiktbu bil-Malti jew le. Tista' ukoll tħares lejn jekk jiktbu dwar Malta u l-politika, jew b'mod iktar personali. Bħalissa fil-bloggosfera Maltija, minbarra Maltin jgħixu Malta, insibu diversi Maltin li bħalissa joqogħdu pajjiżi oħrajn fl-Ewropa, xi barranin li huma studenti jistudjaw l-Universita', u dan l-aħħar ukoll barranin li ma joqogħdux Malta iżda għandhom konnessjonijiet magħha u għalhekk jiktbu dwarha.

Il-kitba bil-Malti fil-bloggs għandha tiffaċċja xi problemi; l-ikbar tnejn huma l-użu ta' ittri Maltin (Ċ,ċ,Ġ,ġ,Ħ,ħ,Ż,ż) u l-użu ta' kliem tekniċi li għandhom x'jaqsmu mat-teknoloġija tal-bloggs.

Is-soltu meta wieħed jikteb bil-Malti fuq kompjuter, juża Word processor b'karattri Maltin, imma l-kitba ta' bloggs is-soltu jsir direttament ġo navigatur tal-internet, fejn m'hemmx għażla ta' karattri. Barra minn hekk, jekk blogger juża l-karattri Maltin fuq il-blogg tiegħu, dan ser jidher sew biss fuq kompjuters li ukoll għandhom il-karattri Maltin.

Hemm min jevita din problema billi juża ittri Ingliżi biss (C,c,G,g,H,h,Z,z). Permezz tat-tastiera Maltija (tgħallem kif tinstallaha), wieħed jista' jikteb b'karattri Maltin b'mod faċli, u l-karattri li jiġu użati huma tal-Unicode li għalhekk ser jidhru kif suppost fuq kwalunkwe kompjuter. Din is-soluzzjoni taħdem biss fuq Windows biss, u bloggers li jużaw sistemi operattivi differenti jkollom jsibu metodi oħrajn biex idaħħlu l-karattri Maltin. Jistgħu jdaħħluhom wieħed wieħed billi jikkupjawhom mill-character map, jew jistgħu jużaw scripts bħal dan li hemm fis-sit linux.org.mt.

Għat-tieni problema, tal-użu ta' kliem tekniku, il-blogger jista' juża kliem Ingliż bħal website, blog, Internet, u forsi jagħmilhom kursivi peress li mhumiex bil-Malti. Inkella jkollu jista' juża l-ekwivalenti bil-Malti ("website" tiġi "sit tal-web", "blog" tiġi "blogg", "Net" tiġi "Xibka"). Jekk bloggers oħrajn jaqblu ma’ xi ħaġa li jivvinta wieħed, jaddottawha huma wkoll (per eżempju Mark Vella [1] beda juża l-kelma "blogg", li issa saret aċċettata u użata fil-bloggosfera Maltija).

L-effetti soċjali ta' bloggs Maltin

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-bloggosfera Maltija qiegħda tipprovdi diversi benefiċċji lil min isegwiha, per eżempju ġieli tagħti u tifrex aħbarijiet qabel il-gazzetti, tipprovdi post għall-kittieba sabiex juru u jaqsmu x-xogħol tagħhom, tlaqqa' nies minn oqsma differenti tal-ħajja li s-soltu ma kienx hemm ċans isiru jafu 'l xulxin, u ġieli tiffunzjona bħala forum għal diskussjonijiet dwar il-qagħda ta' Malta.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]