[go: up one dir, main page]

Raffaello, isem sħiħ Raffaello Sanzio jew Raffaello Santi, (28 ta' Marzu jew 6 ta’ April[2], 1483, Urbino, Dukat ta’ Urbino, l-Italja — 6 ta’ April, 1520, Ruma, Stati Papali, l-Italja), pittur u arkitett tar-Rinaxximent Għoli Taljan. Raffaello huwa magħruf l-iktar għall-Madonni tiegħu u għall-kompożizzjonijiet kbar bil-figuri fil-Vatikan. Ix-xogħol tiegħu huwa ammirat għaċ-ċarezza tal-forma u l-faċilità tal-kompożizzjoni u għar-rappreżentazzjoni viżwali tal-ideal Neoplatoniku tal-grandjożità umana.

Raffaello

Awtoritratt ta' Raffaello fl-età ta' 23 sena[1]
Ħajja
Isem propju Raffaello Sanzio
Twelid Urbino, 6 April 1483, 28 Marzu 1483
Nazzjonalità Imperu Ruman Qaddis
Grupp etniku Taljani
Mewt Ruma, 6 April 1520
Post tad-dfin Panteon
Tomb of Raphael (en) Translate
Kawża tal-mewt  (attakk tal-qalb)
Familja
Missier Giovanni Santi
Konjuga/i Not married
Koppja/i Margarita Luti
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Għalliema Giovanni Santi
Timoteo Viti
Pietro Perugino
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
skultur
arkitett
disinjatur
disinjatur tal-bini
disinjatur
pittur tal-affreski
pittur tal-familji nobbli
artist viżiv
Post tax-xogħol Firenze
Perugia
Ruma
Siena
Urbino
Xogħlijiet importanti La Fornarina
L-Iskola ta' Ateni
Il-Kmamar ta' Raffaello
Resurrection of Christ (en) Translate
Madonna and Child with the Book (en) Translate
The Marriage of the Virgin (en) Translate
Madonna del Granduca (en) Translate
Madonna of the Goldfinch (en) Translate
Madonna del Prato (en) Translate
The Deposition (en) Translate
Sistine Madonna (en) Translate
Transfiguration (en) Translate
Portrait of Baldassare Castiglione (en) Translate
Premjijiet
Moviment Rinaxximent Taljan
Rinaxximent Għoli
Moviment artistiku pittura storika
pittura ritratt
ritratt
allegorija
arti reliġjuża
pittura mitoloġika

L-ewwel snin f'Urbino

immodifika

Raffaello kien iben Giovanni Santi u Magia di Battista Ciarla; ommu mietet fl-1491. Missieru kien, skont l-artist u bijografu tas-seklu 16, Giorgio Vasari, pittur "ta' ebda mertu kbir".[3] Madankollu kien bniedem kolt li kien f'kuntatt kontinwu mal-ideat artistiċi avvanzati ta' dak iż-żmien fil-qorti ta' Urbino. Lil ibnu tah l-ewwel tagħlim fil-pittura, u, qabel mewtu fl-1494, meta Raffaello kellu biss 11-il sena, introduċieh għall-filosofija umanistika tal-qorti.

Urbino kien sar ċentru tal-kultura matul il-ħakma tad-Duka Federico da Montefeltro, li inkuraġġixxa l-arti u attira fil-qorti tiegħu nies ta' talent kbir, fosthom Donato Bramante, Piero della Francesca, u Leon Battista Alberti. Għalkemm Raffaello kien ħa jkun influwenzat minn artisti mill-ikbar f'Firenze u Ruma, Urbino kien il-bażi għat-tagħlim ta' wara kollu tiegħu. Barra minn hekk, il-vitalità kulturali tal-belt x'aktarx stimulat il-prekoċità eċċezzjonali tal-artist żagħżugħ, li, anke fil-bidu tas-seklu 16, meta bilkemm kellu 17-il sena, kien diġà wera talent straordinarju.

Apprendistat f'Perugia

immodifika
 
Iż-Żwieġ tal-Madonna

Id-data ta' meta Raffaello mar Perugia mhijiex magħrufa, iżda diversi studjużi jagħtu l-1495. L-ewwel xhieda tal-attività ta’ Raffaello bħala pittur tinstab Perugia f’dokument tal-10 ta’ Diċembru 1500, li jiddikjara li l-pittur żagħżugħ, dak iż-żmien diġà msejjaħ "maestro", ingħata kummissjoni biex jgħin fil-pittura ta' titular li kellu jitlesta sat-13 ta' Settembru 1502. Minn dan naraw ċar li Raffaello kien diġà ta prova tal-abbiltá tiegħu, tant li bejn l-1501 u l-1503 irċieva kummissjoni pjuttost importanti - biex ipinġi l-Inkurunazzjoni tal-Madonna għall-Kappella Oddi fil-Knisja ta' San Franġisk, Perugia (u li issa qiegħda fil-Vatikan). Il-pittur kbir Umbrijan Pietro Perugino kien qiegħed jaħdem fuq l-affreski fil-Collegio del Cambio f’Perugia bejn l-1498 u l-1500, u b'hekk Raffaello, bħala membru tal-istudjo ta' Perugino seta' jitgħallem ħafna mingħandu fis-sengħa tiegħu.

Barra dan it-tagħlim prattiku, Raffaello kien influwenzat ukoll mill-istil skwiżit u kalm ta’ Perugino. L-Għoti taċ-Ċwievet lil San Pietru, impinġija fl-1481-1482 minn Perugino għall-Kappella Sistina tal-palazz tal-Vatikan, ispirat l-ewwel xogħol kbir ta’ Raffaello, Iż-Żwieġ tal-Madonna (1504). L-influwenza ta’ Perugino tidher fl-enfasi fuq il-perspettiva, fir-relazzjonijiet gradati bejn il-figuri u l-arkitettura, u fil-ħlewwa lirika tal-figuri. Minkejja dan, anke f’din il-pittura bikrija, jidher ċar li s-sensibilità ta’ Raffaello kienet differenti minn dik tal-għalliem tiegħu. Id-dispożizzjoni tal-figuri hija marbuta mal-arkitettura b’mod inqas riġidu, u d-dispożizzjoni ta’ kull figura relattiva għall-oħrajn hija aktar informali u animata. Il-ħlewwa tal-figuri u r-relazzjoni ġentili bejniethom ma nsibux bħalhom fix-xogħol ta’ Perugino.

It-tliet pitturi żgħar li pinġa Raffaello ftit wara Iż-Żwieġ tal-Madonna --Viżjoni ta’ Kavallier, Tliet Grazzji, u San Mikiel -- huma eżempji tal-ikbar sengħa ta’ pittura narrattiva, fejn naraw minbarra l-freskezza taż-żgħożija, kapaċità li qiegħda timmatura biex tikkontrolla l-elementi tal-istil tiegħu. Għalkemm kien tgħallem ħafna minn Perugino, Raffaello fl-aħħar tal- 1504 ħass il-bżonn li jfittex pitturi oħra biex jitgħallem minnhom; jidher ċar li x-xewqa li kellu li jitgħallem kienet qiegħda ġġegħlu jħares lil hinn minn Perugia.

Vasari jirrakkonta b'mod vag li Raffaello mar Siena mal-pittur Peruġin Bernardino Pinturicchio u mbagħad baqa' sejjer Firenze, attirat minn dak li sema' dwar ix-xogħol li Leonardo da Vinci u Mikelanġlu kienu qegħdin iwettqu f'dik il-belt. Fil-ħarifa tal-1504 Raffaello żgur kien wasal Firenze. Ma nafux jekk din kinitx l-ewwel żjara tiegħu f'Firenze, iżda, kif jixhdu x-xogħlijiet tiegħu, kien madwar l-1504 li l-ewwel ġie f'kuntatt sewwa ma' din iċ-ċiviltà artistika, li saħħet l-ideat kollha li kien diġà kiseb waqt li fetħitlu orizzonti ġodda u aktar fil-wisa'. Vasari jikteb li ma studjax biss ix-xogħlijiet ta' Leonardo, Mikelanġlu, u Fra Bartolomeo, li kienu l-maestri tar-Rinaxximent Għoli, iżda wkoll "l-affarijiet qodma ta' Masaccio", pijunier tan-naturaliżmu li mmarka l-qtugħ tar-Rinaxximent bikri mill-Gotiku.

Xorta waħda, l-għalliema prinċipali tiegħu f'Firenze kienu Leonardo u Mikelanġlu. Ħafna mix-xogħlijiet li ħoloq Raffaello bejn l-1505 u l-1507, l-aktar is-sensiela kbira ta’ Madonni fosthom Il-Madonna tal-Gardell (c. 1505), il-Madonna del Prato (c. 1505), il-Madonna ta' Esterházy (c. 1505-1507), u La Belle Jardinière (c. 1507), fihom ħafna xhieda tal-influwenza ta’ Leonardo, li kien ilu jagħmel innovazzjonijiet kbar fil-pittura mill-1480. Raffaello kien influwenzat b’mod partikolari mill-pitturi tal-Madonna u l-Bambin ma' Sant'Anna ta’ Leonardo, li fihom insibu ambjentazzjoni intima u sempliċi rari fl-arti tas-seklu 15. Mill-Fjorentini Raffaello tgħallem il-metodu għall-bini tal-kompożizzjonijiet tiegħu li fil-fond għandhom mases piramidali ta' fiġuri; il-figuri huma miġbura f'unità waħda, filwaqt li kull waħda minnhom tibqa' żżomm l-individwalità u l-forma tagħha. Il-karatteristiċi ġodda tal-unità tal-kompożizzjoni u tat-tneħħija ta' kulma mhuwiex meħtieġ jiddistingwu x-xogħlijiet li pinġa f’Firenze. Raffaello tgħallem ħafna wkoll mit-tekniki tad-tidwil ta’ Leonardo; għamel użu moderat tal-chiaroscuro ta’ Leonardo (jiġifieri, kuntrast qawwi bejn id-dawl u d-dlam), u kien influwenzat b’mod speċjali mill-isfumato tiegħu (jiġifieri, l-użu ta’ sfumatura fina u ħafifa għall-aħħar minflok linja biex tiddefinixxi l-forom u l-karatteristiċi). Raffaello għadda lil Leonardo, madankollu, fil-ħolqien ta' tipi ġodda ta' figuri li l-uċuh tondi u ġentili tagħhom juru sentimenti mhux komplikati u tipikament umani imma mgħollijin għal perfezzjoni u għal serenità sublimi.

 
Id-Depożizzjoni ta' Kristu

Fl-1507 Rafael kiseb kummissjoni biex ipinġi d-Depożizzjoni ta’ Kristu. F’dan ix-xogħol jidher ċar li Raffaello ried jitgħallem minn Mikelanġlu l-possibbiltajiet espressivi tal-anatomija umana. Iżda Raffaello kien differenti minn Leonardo u Mikelanġlu, li t-tnejn kienu pitturi ta' intensità skura u ta' eċitament, fis-sens li xtaq jiżviluppa stil aktar kalm u aktar estrovert li jservi bħala forma ta' komunikazzjoni viżwali għall-poplu, li jista' jifhmu kulħadd.

L-aħħar snin f'Ruma

immodifika

Raffaello ġie imsejjaħ Ruma lejn l-aħħar tal-1508 mill-Papa Ġulju II, fuq suġġeriment tal-arkitett Donato Bramante, li sejjaħ lil Raffaello biex imur Ruma. Dak iż-żmien Raffaello ma kienx magħruf ħafna hemmhekk, iżda ż-żagħżugħ ma damx ma ħalla impressjoni profonda fuq Ġulju u l-qorti Papali, u l-awtorità tiegħu bħala maestro kibret ma' kull jum. Raffaello kien mogħni b'dehra sabiħa u b'seħer personali kbir minbarra t-talenti artistiċi prodiġjużi li kellu, u fl-aħħar tant sar popolari li beda jisejjaħ "il-prinċep tal-pitturi".

Raffaello għadda l-aħħar 12-il sena tal-ħajja qasira tiegħu f'Ruma. Kienu snin ta' attività sfrenata u ta' kapolavur wara l-ieħor. L-ewwel impieg tiegħu fil-belt kien biex ipinġi ċiklu ta’ affreski f’sensiela ta’ kmamar ta’ daqs medju fl-appartamenti Papali tal-Vatikan li fihom kien jgħix u jaħdem Ġulju nnifsu; dawn il-kmamar huma magħrufa sempliċement bħala Le Stanze: La Stanza della Segnatura (1508-1511) u La Stanza d’Eliodoro (1512-1514) kienu mżejna prattikament għalkollox minn Raffaello stess; l-affreski f'La Stanza dell’Incendio (1514-1517), għalkemm iddisinjati minn Raffaello, kienu fil-biċċa l-kbira esegwiti mill-bosta assistenti u studenti tiegħu.

Id-dekorazzjoni ta’ La Stanza della Segnatura kienet forsi l-akbar xogħol ta’ Raffaello. Ġulju II kien raġel kolt ħafna li ġab madwaru l-iktar nies famużi tar-Rinaxximent. Kien fada lil Bramante bil-bini tal-bażilika l-ġdida ta’ San Pietru biex tissostitwixxi l-knisja oriġinali tas-seklu 4; talab lil Michelangelo biex jeżegwixxi l-qabar tiegħu u ġiegħlu kontra qalbu jżejjen is-saqaf tal-Kappella Sistina; u, meta ntebaħ bil-ġenju ta’ Raffaello, tah f’idejh l-interpretazzjoni tal-iskema filosofika tal-affreski f'La Stanza della Segnatura. It-tema tagħha kienet il-ġustifikazzjoni storika tal-poter tal-Knisja Kattolika Rumana permezz tal-filosofija Neoplatonika.

 
L-Iskola ta' Ateni

Fuq l-erba’ ħitan ewlenin f'La Stanza della Segnatura hemm l-affreski d-Diżgwid u L-Iskola ta’ Ateni fuq il-ħitan il-kbar u Parnassu u Il-Virtujiet Kardinali fuq il-ħitan iż-żgħar. L-iktar tnejn importanti minn dawn l-affreski huma Id-Diżgwid u L-Iskola ta’ Ateni. Id-Diżgwid, li turi viżjoni ċelestjali ta' Alla u l-profeti u l-appostli tiegħu 'l fuq minn ġabra ta' rappreżentanti, tal-passat u tal-preżent, tal-Knisja Kattolika Rumana, tidentifika permezz tal-ikonografija tagħha t-trijonf tal-knisja mat-trijonf tal-verità. L-Iskola ta' Ateni hija allegorija kumplessa tal-filosofija, li turi lil Platun u Aristotli mdawra minn filosfi, tal-imgħoddi u tal-ġejjieni, f'ambjent arkitettoniku mill-isbaħ, li tirrappreżenta l-kontinwità storika tal-ħsieb Platoniku. L-Iskola ta’ Ateni hija forsi l-iktar famuża mill-affreski kollha ta’ Raffaello, u waħda mill-aqwa opri artistiċi tar-Rinaxximent Għoli. F'dil-pittura Raffaello jimla spazju ordnat b'figuri f'ħafna pożi u ġesti, imma jikkontrollah b'tali mod li grupp wieħed ta' figuri jwassal għall-ieħor u jiġbed l-għajn lejn il-figuri ċentrali ta' Platun u Aristotli fil-punt konverġenti tal-ispazju perspettivali. L-ispazju li fih hemm jiltaqgħu l-filosfi huwa definit mill-kolonni u s-saqaf bl-arkati ta’ bażilika kbira bbażata fuq id-disinn ta’ Bramante għad-disinn tal-Bażilika l-ġdida ta’ San Pietru f’Ruma. L-effett ġenerali tal-affresk huwa wieħed ta’ kalma, ċarezza u ekwilibriju maestuż.

 
In-Nar fil-Borgo

Għall-ħabta tal-istess żmien, probabbilment fl-1511, Raffaello pinġa suġġett aktar sekulari, It-Trijonf ta’ Galatea, fil-Villa Farnesina f’Ruma; dan ix-xogħol kien forsi l-aktar evokazzjoni li rnexxiet tal-ispirtu ħaj tal-antikità Klassika fir-Rinaxximent Għoli. Sadanittant, id-dekorazzjoni tal-appartamenti Papali ta' Raffaello kompliet wara l-mewt ta' Ġulju fl-1513 u fil-pontifikat suċċessiv ta' Ljun X sal-1517. B'kuntrast mal-allegoriji ġeneralizzati f'La Stanza della Segnatura, id-dekorazzjonijiet fit-tieni kamra, La Stanza d'Eliodoro, juru ġrajjiet mirakulużi speċifiċi fl-istorja tal-knisja Nisranija. L-erba' suġġetti prinċipali huma It-Tkeċċija ta' Heliodorus mit-Tempju, Il-Quddiesa f'Bolsena, Il-Ħelsien ta' San Pietru, u l-Iljun Ii waqqaf lil Attila. Dawn l-affreski huma aktar profondi u aktar rikki fl-ilwien minn dawk fil-kamra ta’ qabel, u juru qawwa ġdida min-naħa ta’ Raffaello kemm fis-suġġetti drammatiċi tagħhom kif ukoll fl-effetti mhux tas-soltu tad-dawl. Il-Ħelsien ta’ San Pietru, pereżempju, huwa xena ta’ billejl u fih tliet effetti ta’ dawl differenti — id-dawl tal-qamar, it-torċa li tinġarr minn suldat, u d-dawl sopranaturali ħiereġ minn anġlu. Raffaello ħalla l-assistenti tiegħu jiddekoraw La Stanza dell’Incendio, ħlief affresk wieħed, In-Nar fil-Borgo, li fih jidher ċar kemm kien qiegħed fittex inċidenti pittoreski aktar drammatiċi u l-istudju kontinwu tiegħu ta’ suġġetti maskili għerwenin.

Fil-Madonni li Raffaello pinġa f'Ruma jitbiegħed mis-serenità u mill-ġentilezza tax-xogħlijiet ta' qabel biex jenfasizza l-kwalitajiet ta' enerġija u grandjożità. Il-Madonna ta' Alba (1508) hi eżempju perfett tal-ħlewwa trankwilla tal-Madonni Fjorentini iżda fl-istess ħin turi maturità ġdida ta’ espressjoni emozzjonali u sofistikazzjoni teknika suprema fil-pożi tal-figuri. Warajha kien hemm il-Madonna di Foligno (1510) u l-Madonna Sistina (1513), li juru kemm ir-rikkezza tal-ilwien kif ukoll l-awdaċja ġdida fl-invenzjoni kompożizzjonali tipika tal-perjodu Ruman ta’ Raffaello. Uħud mill-Madonni l-oħra ta' dak iż-żmien, bħall-Madonna ta' Franġisku I, huma notevoli għall-eleganza raffinata tagħhom.

Minbarra s-suċċessi l-oħra tiegħu, Raffaello sar l-iktar ritrattist importanti f'Ruma matul l-ewwel għoxrin sena tas-seklu 16. Introduċa modi ġodda ta’ preżentazzjoni u sitwazzjonijiet psikoloġiċi ġodda għall-mudelli tiegħu, kif jidher fir-ritratt ta’ Ljun X b’Żewġ Kardinali (1517-1519). L-aħjar xogħol ta’ Raffaello f'dan il-ġeneru huwa forsi r-Ritratt ta’ Baldassare Castiglione (1516), studju tal-karattru brillanti u impressjonanti.

Ljun X kkummissjona lil Raffaello biex jiddisinja 10 arazzi kbar biex jiddendlu mal-ħitan tal-Kappella Sistina. Seba’ mill-10 disinni preparatorji ta’ daqs sħiħ tlestew sal-1516, u l-arazzi minsuġa fuqhom iddendlu f’posthom fil-kappella sal-1519. Fil-pitturi Ananija, Il-Fejqan taz-Zopp, L-Għama ta’ Elize, Is-Sagrifiċċju f’Lystra, u San Pawl Jipprietka f’Ateni, Raffaello ħoloq prototipi li kienu ħa jinfluwenzaw it-tradizzjoni Ewropea tal-pittura tal-istorja narrattiva għal ħafna sekli wara. Id-disinni preparatorji juru s-sens drammatiku qawwi ta’ Raffaello, l-użu tiegħu ta’ ġesti u espressjonijiet tal-wiċċ biex juri l-emozzjoni, u l-inkorporazzjoni ta’ ambjenti fiżiċi kredibbli kemm mid-dinja naturali kif ukoll minn dik tal-arkitettura Rumana tal-qedem.

Waqt li kien qiegħed jaħdem f'La Stanza della Segnatura, Raffaello għamel ukoll l-ewwel xogħol arkitettoniku tiegħu, billi ddisinja l-Knisja ta’ Sant’Eligio degli Orefici. Fl-1513 il-bankier Agostino Chigi, li Raffaello kien diġà ddekora l-Villa Farnesina tiegħu, ikkummissjonah biex jiddisinja u jżejjen il-kappella funerarja tiegħu fil-Knisja ta’ Santa Maria del Popolo. Fl-1514 Ljun X għażlu biex jaħdem fuq il-Bażilika ta San Pietru flimkien ma’ Bramante; meta Bramante miet aktar tard dik is-sena, Raffaello ħa x-xogħol f'idejh u biddel il-pjanti tal-knisja minn disinn Grieg, jew fit-tond, għal wieħed disinn Latin, jew fit-tul.

Raffaello kien ukoll student ħerqan tal-arkeoloġija u tal-iskultura Greco-Rumana tal-qedem, li l-eki tagħha jidhru fil-pitturi tiegħu tal-figura umana matul il-perjodu Ruman. Fl-1515 Ljun X inkarigah bis-superviżjoni tal-preżervazzjoni tal-irħamijiet li kellhom iskrizzjonijiet ta' valur bil-Latin; sentejn wara nħatar kummissarju tal-antikitajiet għall-belt, u fassal mappa arkeoloġika ta' Ruma. Raffaello sa dan iż-żmien kien inkarigat mid-diversi proġetti artistiċi kollha tal-papat f’Ruma, li kienu jinvolvu l-arkitettura, il-pittura u d-dekorazzjoni, u l-preżervazzjoni tal-antikitajiet.

 
It-Trasfigurazzjoni

L-aħħar kapulavur ta’ Raffaello kien It-Trasfigurazzjoni (ikkummissjonata minn Giulio Kardinal de’ Medici fl-1517), titular enormi li kien għadu mhux lest meta miet u komplieh l-assistent tiegħu Giulio Romano. It-Trasfigurazzjoni hija xogħol kumpless li jgħaqqad l-irfinar formali estrem u l-eleganza kbira fl-eżekuzzjoni ma' atmosfera ta' tensjoni u vjolenza kkomunikata mill-ġesti aġitati ta' gruppi ta' figuri qrib xulxin. Juri sensibilità ġdida li qisha tbassar dinja ġdida, imqallba u dinamika. Fis-sentiment u l-kompożizzjoni tiegħu, il-kapulavur inawgura l-moviment Manjerista u għandu t-tendenza lejn espressjoni li tista' saħansitra tissejjaħ Barokka.

Raffaello miet fl-eta ta' 37 sena. Il-quddiesa tal-funeral tiegħu ġiet iċċelebrata fil-Vatikan, it-Trasfigurazzjoni tiegħu tqiegħdet f’ras il-katafalk, u ġismu ndifen fil-Pantheon f’Ruma.

Referenzi

immodifika
  1. ^ Jones and Penny, p. 171. Ir-ritratt ta' Raffaello hu x'aktarx "adattament li sar aktar tard tal-unika xbiha li kulħadd jaqbel fuqha", dik li hemm fl-Iskola ta' Ateni, li għaliha hemm ix-xhieda ta' Vasari.
  2. ^ Suppost twieled fil-Ġimgħa l-Kbira (28 ta' Marzu, 1483), imma l-iskrizzjoni fuq il-qabar tiegħu tgħid li twieled fl-istess data ta' meta miet (miet tliet sigħat wara l-Ave Maria tal-Ġimgħa l-Kbira). Ma jistax ikun li ż-żewġ dati tat-twelid huma korretti..
  3. ^ Giorgio Vasari, Le vite de' più eccellenti pittori, scultori e architettori, Vita di Raffaello da Urbino, Firenze 1568.

Biblijografija

immodifika
  • Cecil Gould, The Sixteenth Century Italian Schools, National Gallery Catalogues, Londra 1975, ISBN 0-947645-22-5
  • Leopold D. Ettlinger u Helen S. Ettlinger, Raphael, Oxford: Phaidon, 1987, ISBN 0714823031
  • Roger Jones u Nicholas Penny, Raphael, Yale, 1983, ISBN 0-300-03061-4
  • David Landau u Peter Parshall, The Renaissance Print, Yale, 1996, ISBN 0-300-06883-2
  • Lisa Pon, Raphael, Dürer, u Marcantonio Raimondi, Copying and the Italian Renaissance Print, 2004, Yale UP, ISBN 978-0-300-09680-4
  • John Shearman, Raphael in Early Modern Sources 1483–1602, 2003, Yale University Press, ISBN 0-300-09918-5
  • Giorgio Vasari, Le vite de' più eccellenti pittori, scultori e architettori, Vita di Raffaello da Urbino, Firenze 1568.
  • Heinrich Wölfflin, Classic Art; An Introduction to the Renaissance, 1952), Phaidon, New York.