Dante Alighieri
Dante Alighieri (Durante degli Alighieri), poeta, politiku u kittieb Fjorentin (twieled bejn l-14 ta' Mejju u t-13 ta' Ġunju[1] [2] 1265 f'Firenze u miet fl-14 ta' Settembru 1321 f'Ravenna).
Dante kien l-ewwel poeta kbir tal-ilsien Taljan, u l-ktieb tiegħu Il-Kummiedja Divina hu meqjus bħala wieħed mill-kapulavuri tal-letteratura universali.
Iż-żgħożija
immodifikaNafu li l-familja tiegħu kienet familja importanti Fjorentina, li kienet iżżomm mal-partit tal-Gwelfi u li isimha — fil-forma tagħha oriġinali — kien Alaghieri. Missieru, Alighiero di Bellincione, kien Gwelf abjad, imma ma sofriex il-vendetta tal-Gibellini, wara r-rebħa tagħhom fil-Battalja ta' Montaperti, u dan ta ċertu prestiġju lill-familja. Omm Dante kienet Bella degli Abati; Bella hu d-diminuttiv ta' Gabriella, imma jfisser ukoll "sabiħa". Mietet meta Dante kellu 13-il sena, fl-1278 (missieru miet 5 snin wara fl-1282). Alighiero kien jgħix għal xi żmien ma' Lapa di Chiarissimo Cialuffi (mhux ċert jekk kinux miżżewġin), u kellu żewġt ulied magħha, ħu Dante, Francesco, u oħtu, Tana (Gaetana).
Meta Dante kellu 12-il sena, fl-1277, ġie miftiehem iż-żwieġ tiegħu ma' Gemma, bint Messer Manetto Donati, u wara żżewwiġha. Iż-żwiġijiet miftehmin f'dawn l-etajiet baxxi ma kinux ħaġa rari u għalihom kienet issir ċerimonja importanti li teħtieġ kuntratti uffiċjali ffirmati quddiem in-nutar. Dante kellu tliet ulied minn Gemma: Jacopo, Pietro u Antonia. Antonia daħlet soru bl-isem ta' Sor Beatrice. Ieħor jismu, Giovanni, kien jgħid li kien bin Dante u akkompanjah fl-eżilju imma m'hemm l-ebda prova li kien ibnu.
Ftit nafu dwar l-edukazzjoni ta' Dante; wieħed jista' jippreżumi li studja d-dar. Għadda xi żmien Bolonja u f'Firenze tgħallem fl-iskola Franġiskana ta' Santa Croce, taħt Remiġju dei Girolami tal-iskola Dumnikana ta' Santa Maria Novella u taħt Brunetto Latini. Iltaqa' ma' poeti u beda ħbiberija soda ma' Guido Cavalcanti. Huwa kważi ċert li studja l-poeżija Toskana, fil-mument meta l-iskola poetika Sqallija, grupp kulturali minn Sqallija, bdiet issir magħrufa fit-Toskana. Minħabba l-interessi tiegħu skopra l-menestrelli, il-poeti Provenzali u l-kultura Latina. Jidher ċar li kellu ammirazzjoni kbira lejn Virġilju "Inti l-imgħallem tiegħi u l-awtur tiegħi; inti dak biss li minnu ħadt l-istil sabiħ li għamilli unur.", kiteb fil-Kummiedja Divina (L-Infern — Canto I).
Wieħed irid jenfasizza li fil-Medjuevu l-fdalijiet tal-Imperu Ruman kienu saru mifrudin għal kollox, u baqa' xi tużżana stati żgħar, b'mod li Sqallija kienet imbiegħda (kulturalment u politikament) mit-Toskana daqs li din kienet minn Provenza: ir-reġjuni ma kellhomx l-istess lingwa u l-komunikazzjoni kienet diffiċli.
Nistgħu nissoponu li Dante bħan-nies intellettwali ta' żmienu, kien raffinat u kellu bosta interessi biex ngħidu hekk "internazzjonali".
Beatrice u l-Vita Nuova
immodifikaKien fl-1274 li Dante ltaqa' għall-ewwel darba ma' Beatrice. Isimha veru kien Bice di Folco Portinari, iżżewġet lil Simone de Bardi u mietet fl-1290. Ftit nafu fuq l-istorja tal-imħabba tiegħu għal Beatrice, issublimata fil-Vita Nuova (miktuba bejn l-1292 u l-1294) li fiha ddeskriva l-ewwel laqgħa ma' Beatrice, li dak iż-żmien kellha biss disa' snin. Qabel it-tieni laqgħa għaddew disa' snin oħra (spjega iżjed tard it-tifsira simbolika tan-numru disa', in-numru ta' Beatrice). Fil-Vita Nuova Dante ddeskriva l-imħabba tiegħu u d-disperazzjoni li ħass meta mietet Beatrice. Irrakkonta l-kriżi profonda li qabditu, il-ġiri tiegħu 'l hemm u 'l hawn u l-avventura tiegħu ma' "sinjura nobbli" (bla dubju allegorija għall-filosofija), u fl-aħhar l-indima tiegħu. Għalkemm il-Vita Nuova hi x'aktarx ispirata mill-ħajja personali ta' Dante, bosta kritiċi għandhom dubju fuq l-eżistenza vera ta' Beatrice, jaraw fiha figura allegorika (xi wħud għadhom tal-fehma sal-lum li fil-Kummiedja Divina, Virġilju jirrappreżenta r-raġuni naturali, u Beatrice t-teoloġija).
Ħolma li kellu Dante, u li daħħalha mal-ewwel poeżija fil-ktieb, tagħtina xi dawl: lil Dante jidhirlu l-alla Mħabba fi sħaba tan-nar u jġib miegħu lil Beatrice għarwiena mdawra b'liżar lewn id-demm. L-alla Mħabba jżomm f'idu l-qalb taqbad bin-nar ta' Dante u jagħtiha 'l Beatrice biex tikolha, imbagħad jitla' lejn is-sema magħha. Din il-ħolma turi r-rikkezza u l-qawwa evokatriċi tal-poeta fil-Vita Nuova, xogħol diffiċli biex ninterpretawh: it-tradizzjoni mistika (is-sħaba tan-nar pereżempju) imħabbla mat-tradizzjoni kortiża (l-istorja tal-qalb li tittikel), is-sejħiet lill-"fidili tal-imħabba" u l-laqgħat ta' dami jistiednu qari eżoteriku, waqt li l-viżjonijiet u l-ħolm enigmatiku jqiegħed ix-xogħol f'dimensjoni f'l-istess ħin eskatoloġika (il-mewt ta' Beatrice bħala orizzont) u misterjuża. Beatrice ġiet sikwit imxebbħa ma' qaddisa (b'referenza għall-aġjografija Franġiskana b'mod partikulari), u wieħed mill-aħjar manjieri li bihom nistgħu inħarsu lejn din il-figura ta' mara sovrana hi billi nistudjaw l-analoġiji notevoli ma' Kristu. Jekk inwarrbu fil-ġenb id-deskrizzjoni tal-virtujiet u r-rakkonti tal-mirakli li nsibu mferrxin mal-ħajja tal-qaddisin, bħalhom, il-Vita Nuova tiġbor fiha il-misterji ta' Beatrice.
Il-Vita Nuova, li kienet diġà differenti mill-istil ta' dak iż-żmien, id-"Dolce Stil Novo", hi magħmula minn xi tletin poeżija, il-biċċa l-kbira sunetti, jixgħelu bi fjamma ta' mħabba u mistiċiżmu fl-istess ħin. Tnejn u erbgħin kapitlu bil-proża jikkumentaw fuq il-versi wieħed wieħed. Dante jagħlaq dan ix-xogħol bi stqarrija qisha viżjoni mis-sema li daħħal wara l-aħħar sunett: Ħa jikteb xi ħaġa li ħadd qatt ma kiteb, biex jgħanni l-glorja tal-maħbuba. Forsi kien diġà ħaseb fil-kapulavur tiegħu, il- Kummiedja Divina.
Fjorentin attiv
immodifika
Dante kellu sehem attiv ħafna fil-ħajja politika ta' Firenze. Fil-ġlied li kien iħarbat l-Italja f'dak iż-żmien, Dante kien Gwelf akanit: indaħal f'bosta espedizzjonijiet kontra l-Gibelllini ta' Arezzo, ta' Bolonja u ta' Piża, u kontribwixxa ħafna bil-qlubija tiegħu għar-rebħa ta' Campaldino (1289) kontra l-Gwelfi ta' Arezzo, kif ukoll tal-kastell ta' Caprona, kontra 'l Piżanin (1290).
Temm b'suċċess għadd kbir ta' missjonijiet politiċi u nħatar prijur ta' Firenze fl-1300, jiġifieri sar wieħed mill-maġistrati supremi tal-eżekuttiv. Imma l-Gwelfi , li kienu jiddominaw Firenze kienu maqsumin f'żewġ partiti: isSuwed, favur il-politika papali ta' Bonifazju VIII, u l-Bojod, li riedu iżjed awtonomija għall-belt. Fl-1300, il-papa Bonifazju VIII ried li l-komuni Toskani jkunu taħt il-ħakma imperjali ta' Ruma. Minn dak il-mument, Dante sar iżomm bil-qawwa man-naħa tal-Gwelfi bojjod, jiġifieri kontra l-indħil tal-papa. F'Ottubru tal-1301, bħala membru tal-Kunsill tal-mija, mar Ruma biex jipprova għall-aħħar darba biex issir konċiljazzjoni. Sadattant, Charles de Valois (1270-1325), jirrapreżenta 'l-papa, mar Firenze u ħataf il-belt bl-għajnuna tal-Gwelfi suwed trijunfanti. Bdew l-akkużi u s-sentenzi. Dante sar jaf fi triqtu lura li kien ikkundannat għal qliegħ illiċtu u insubordinazzjoni lejn il-papa u Charles de Valois. Irrifjuta li jidher quddiem il-qorti. Sentenza oħra li ħarġet fl-10 ta' Marzu 1302 mill-podestà Cante Gabrielli ta' Gubbio, ikkundannatu għall-ħruq. Ġidu kollu ġie kkonfiskat u hu ġie eżiljat ma' Gwelfi bojod oħra u qatt ma mar lura Firenze iżjed.
Eżilju prolifiku
immodifikaFil-bidu tal-eżilju, Dante kien jaħseb biex jassedja l-belt, flimkien ma' Gwelfi u Gibellini eżiljati oħra. Imma malajr abbandunah dan il-ħsieb u beda jiġri minn belt għal belt, jiġġieled kontra l-miżerja u jfittex il-protezzjoni fil-qortijiet tal-Italja ta' fuq: Forlì, Verona, Siena u għal darba oħra Arezzo. Għadda xi żmien Pariġi fejn kien jattendi l-università u fl-aħħar spiċċa Ravenna għand Guido de Polenta, fejn miet bil-malarja fil-lejl tat-13 jew l-14 ta' Settembru 1321, wara li kien ipprova għal xejn imur lura pajjiżu.
Il-qabar veru tiegħu, ordnat mill-kardinal Gonzaga fl-1780, qiegħed Ravenna, fil-pjazza San Francesco, fiċ-ċentru storiku tal-belt. S'issa l-Fjorentini għadhom jixtiequ jieħdu lura l-fdalijiet tiegħu biex iqegħduhom f'sarkofagu fiċ-ċenotafju, mibni minn Luigi de Cambray Digny bl-istatwi ta' Stefano Ricci, li nistgħu naraw fin-navi tal-knisja ta' Santa Croce ta' Firenze, imma Ravenna baqgħet tirrifjuta li tagħti lura 'l din il-belt il-ġisem ta' persunaġġ li keċċiet.
It-trattati
immodifikaDe vulgari eloquentia
immodifikaIs-snin tal-eżilju kienu għal Dante perjodu ta' attività intellettwali sfieqa. Fl-1303, ikkonċentra fuq il-kwistjoni tal-lingwa vulgari u kiteb fuqha trattat bil-Latin: De vulgari eloquentia. L-ewwel ktieb kien iddedikat għal-bidu tal-ilsna, u wara għall-analisi tad-djaletti differenti Taljani. Dante wasal għall-konklużjoni li l-ebda lingwa vulgari m'hi aħjar minn oħra. Għalhekk kien jittama li titwaqqaf lingwa vulgari waħda li setgħet tinfirex mal-peniżola Taljana kollha. Fit-tieni ktieb, Dante wera li lingwa vulgari imma kkurata tista' tintuża għas-suġgetti l-iżjed nobbli, u tista' tiġi applikata fl-istil traġiku.
Il Convivio
immodifikaDeher li fl-1305 Dante waqaf mill-kitba ta' De vulgari eloquentia mingħajr ma' lestiha, meta kien kiteb biss żewġ kotba mill-erbgħa li kienu ppjanati fil-bidu. Issa beda jipprattika l-ideat tiegħu billi tefa' ruħu fuq ix-xogħol monumentali tiegħu bid-djalett Toskan: Il Convivio. Fih is-suġġetti li s-soltu kienu jiġu ttrattati bil-Latin bħal: il-ġerarkiji tal-anġli, it-tifħir tal-filosofija u x-xjenza bħala t-triq għall-iżvilupp tal-bniedem, l-eżaltazzjoni tan-nobbiltà bħala valur intellettwali u morali li jikseb l-individwu, etc. Qisu Dante ħa f'idejh il-missjoni li jiftaħ il-bibien tal-kultura u tax-xjenzi antiki u kontemporanji għal numru ikbar. Barra minn hekk, ċerti passaġġi tal-Convivio għandhom l-għan li jiddefendu l-awtur mill-akkużi miġjubin kontra tiegħu. Jgħid fuq l-imrar li kellu f'qalbu minħabba li tkeċċa minn Firenze, belt twelidu li rabbietu fi ħdanha qabel tefgħetu 'l barra. Il Convivio fil-bidu kellu jkun fih ħmistax-il trattat, imma l-ewwel erbgħa biss inkitbu.
De Monarchia
immodifikaDante reġa' dar għal-Latin biex jesprimi l-opinjonijiet politiċi tiegħu fit-trattat De Monarchia, miktub bejn l-1313 u l-1318. Forsi kienet il-mewt ta' Neriku VII fl-1313 li tagħtu l-idea li jikteb trattat ġdid. In fatti, mal-mewt tar-re għebet għal kollox kull tama li Dante xi jum jara l-awtorità imperjali terġa’ taħkem il-peniżola, għad-dannu tal-ħakma tal-papa. Fl-ewwel ktieb tat-trattat, Dante jfaħħar il-monarkija universali bħala sistema politika ideali biex tiggarantixxi l-paċi u, hekk l-hena tal-bnedmin. It-tieni ktieb jipprova juri li hu l-poplu Ruman li għandu jkollu l-awtorità suprema, għax hu bid-dritt l-eredi tal-Imperu Ruman, jiġifieri skont ir-rieda t'Alla, u mhux biss bil-forza. Fl-aħħar, it-tielet u l-aħħar ktieb jittratta r-relazzjonijiet bejn l-imperatur u l-papa, l-awtorità tat-tnejn ġejja minn Alla, imma kull wieħed għandu jeżerċitaha fil-qasam proprju tiegħu: il-qasam spiritwali għall-papa u l-qasam temporali għall-imperatur. It-trattat kien meqjus bħala eretiku u mqiegħed fuq l-indiċi tal-kotba projbiti fejn baqa' sal-1881.
Dante x'aktarx kien ukoll l-awtur ta' Quaestio de aqua et terra, trattat qasir li jipprova juri li l-isferi tal-ilma u tal-art m'humiex konċentriċi.
Barra mit-trattati, wiritna żewġ egloġi bil-Latin mibnija fuq il-manjiera ta' Virġilju li minn żogħżitu kien jammira bil-qalb. Dawn kienu risposti ndirizzati lil Giovanni del Virgilio li kien jgħallem ir-retorika fl-università ta' Bolonja u kien iċanfar lil Dante talli kien kiteb il-Kummiedja Divina bit-Toskan minflok bil-Latin.
Esperiment poetiku oriġinali
immodifikaIl-kollezzjoni ta' Le Rime li tiġbor fiha 54 biċċa hija tassew xogħol ta' sperimentazzjoni poetika. Minkejja li l-ġabra u l-organizzazzjoni ta' dawn il-kitbiet saru wara Dante, x'aktarx li hu kien l-awtur tal-parti l-kbira tal-poeżiji. Fost dawn il-kitbiet sperimentali, insibu r-rime petrose li tiġbor fiha żewġ għanjiet li jiddeskrivu ritratt ta' mara b'qalb tal-blat li ma jistgħux ma tjfakkruniex fil-poeżiji tal-trovaturi Provenzali.
Il-kapulavur ta' ħajtu
immodifikaDante beda jikteb il-Kummiedja Divina mill-1306 u x'aktarx baqa' sejjer biha sa mewtu. Ix-xogħol fil-bidu kellu sempliċiment l-isem Commedia, imma wara, il-kummentaturi ewlenin tal-ktieb żiedu l-aġġettiv divina. Ix-xogħol jirrakkonta vjaġġ immaġinarju ta' narratur li jsib ruħu f'daqqa waħda ġo foresta mudlama. Hemm, jiltaqa' ma' Virġilju li jistiednu jidħol ġod-dinja ta' lil hemm. Dante jsegwiħ u jibda' d-dawra tiegħu b'żjara lill-infern u wara lill-purgatorju u fl-aħħar lill-ġenna. Il-vjaġġ sħiħ lil Dante ħadlu l-ġimgħa mqaddsa kollha tas-sena 1300. Immexxi minn Virġilju, niżel id-disa' ċrieki tal-infern, imbagħad tela' s-seba' terrazzi tal-purgatorju sal-ġenna tal-art u fl-aħħar tela' fid-disa' sferi konċentriċi tal-ġenna. Virġilju qdieh bħala gwida sal-bieb tal-ġenna, imma ma setax jidħol ġewwa miegħu għax billi kien twieled qabel il-miġja ta' Kristu, ma setagħx jibbenefika mill-Passjoni tiegħu. Għalhekk kienet Beatrice li ħaditu f'idejha u mexxiet 'l Dante fl-Empirew. Fetħet il-bieb tas-salvazzjoni, imbagħad San Bernard iggwida r-rakkontatur fil-Warda tal-Qaddisin sal-viżjoni suprema.
Ir-rakkont miktub fl-ewwel persuna, hu vjaġġ tassew innovattiv. Matulu, Dante jiltaqa' ma' xi mitt personalità, mill-figuri kbar mitiċi tal-antikità bħall-filosfi sal-personalitajiet lokali kontemporanji ta' Dante. Dan ix-xogħol monumentali nistgħu naqrawh f'bosta manjieri differenti, hu fl-istess ħin rakkont tal-vjaġġ personali ta' Dante, manwal teoloġiku nisrani li jiddeskrivi d-dinja ta' lil hemm, rumanz ta' valur etiku u morali u wkoll riflessjoni fuq it-tfittxija għas-salvazzjoni eterna. Parti mill-ġenju ta' Dante kien f'li kien jaf iħallat il-postijiet immaġinarji ma' esperjenzi konkreti. Minkejja li l-azzjoni ssir f'univers totalment metafiżiku, Dante kien jaf jiddeskrivi dawn l-imkejjen b'mod iddettaljat u jagħnihom b'ħafna realiżmu waqt li għammarhom b'dawn il-figuri kollha famużi u m'humiex. Fl-aħħar ta' vjaġġ għani imma iebes, is-salvazzjoni mogħtija lin-narratur hu messaġġ ta' tama għall-umanità kollha: il-wegħda tas-salvazzjoni għal kulħadd.
Dante fil-kultura moderna
immodifikaI|l-ħajja u x-xogħol ta' Dante kellhom influwenza determinanti fuq it-tiswir tal-identità Taljana u b’mod ġenerali fuq il-kultura moderna. Hemm għadd kbir ta' kittieba u intellettwali li użaw u jkomplu jużaw il-Kummiedja u x-xogħlijiet l-oħra Danteski bħala għajn ta' ispirazzjoni tematika, lingwistika u espressiva. Hawn nagħtu ftit minhom.
Letteratura Taljana tas-seklu 20:
- Fix-xogħol poetiku ta' Eugenio Montale jintużaw sikwit termini u formuli mill-poeżija u mill-Kummiedja ta' Dante.
- Il-poeta Mario Luzi uża bosta drabi it-temi Danteski u b'mod partikulari 'purgatorjali', pereżempju fil-poeżija La notte lava la mente.
- F' "Se questo è un uomo" ta' Primo Levi insibu bosta riferimenti għall-inżul Dantesk fl-Infern; barra minn hekk wieħed mill-kapitli hu strutturat bħala l-kontinwazzjoni tal-vjaġġ ta' Ulisse fil-canto XXVI tal-Inferno.
Letteratura dinjija tas-seklu 20:
- Il-poeta Thomas Stearns Eliot ħa ispirazzjoni minn Dante u fil-v. 63 tal-poeżija The waste land (L-art iddeżolata) jittraduċi letteralment il-versi 56-57 tat-tielet canto tal-Inferno: "i' non averei creduto / che morte tanta n'avesse disfatta"[3]. Il-passaġġ jiddeskrivi għodwa Londiniża fejn il-folla tan-nies sejrin ix-xogħol hi assoċjata max-xbieha Danteska tal-ignavi[4]. Fl-istess "The waste land", f' "What the thunder said" jiċċita espliċitament il-v. 148 tal-canto XXVI tal-Purgatorio:"Poi s'ascose nel fuoco che gli affina"[5]. Barra minn hekk jagħti l-vs 61-66 tal-canto XXVII tal-Inferno fid-daħla tal-poeżija "The Love Song of J. Alfred Prufrock".
- Fin-novella The Celestial Omnibus il-kittieb Ingliż Edward Morgan Forster introduċa persunaġġ misterjuż "ta' ġilda saffra, leħitu tal-biza' u għajnejh fil-ħofra", li "kien jismu Dan xiħadd" li kien imexxi vettura stramba biż-żwiemel, li fiha kien hemm miktub "Lasciate ogni baldanza voi ch'entrate"; imma wieħed mill-karattri, is-Sur Bons qal li kienet "lashy arty" jew xi ħaġa hekk u li baldanza kienet żball għal speranza.
Fl-aħħar tad-dawra f'dinjiet abitati minn persunaġġi kbar tal-leġenda u tal-poeżija, it-tifel li temm il-vjaġġ "ħass weraq friski fuq ġbinu. Xi ħadd kien inkurunah."
- Il-poeta Ezra Pound kien jaf fil-fond il-poeżija Danteska u użaha f'xi passaġġi tax-xogħol ewlieni tiegħu, The Cantos.
- Il-poeta Arġentin Jorge Luis Borges li kien wieħed mill-kittieba l-iżjed importanti tas-seklu 20 tant kien jammira 'l-Kummiedja ta' Dante li wasal biex jgħid li kienet l-aħjar xogħol letterarju ta' kull żmien, il-quċċata tal-letteraturi. Kien kiteb Disa' saġġi Danteski u ta ħafna taħdidiet fuq il-poeżija sagra. Fix-xogħol tiegħu bosta drabi ttraduċa xi passaġġi mill-Kummiedja li inserixxa fil-poeżiji tiegħu bħal perezempju fil-"Poema conjetural" fejn ikompli l-episodju ta' Bonconte fil-Purgatorio, V.
Noti u referenzi
immodifika- ^ Dante kkonferma hu stess fil-Kummiedja Divina, Par. XXII 112-117, li twieled taħt l-għelm Żodjakali tat-Tewmin:
P. Pecoraro : Id-dati tat-twelied ta' Beatrice u Dante, fi Critica Letteraria, a. 13, vol. XLVI (1985), faxx. 1, pp. 3-18.
Richard Kay : Il giorno della nascita di Dante e la dipartita di Beatrice, fi Studi americani su Dante, Milan, Angeli, 1989, pp. 243-265. - ^ Għall-istess raġuni l-belt ta' Firenze tiċċelebra t-twelied ta' Dante fl-aħħar Sibt ta' Mejju.
- ^ "I had not thought / death had undone so many."
"ma kontx ħsibt / li l-mewt xejnet tant nies." - ^ L-ignavi huma kategorija ta' midinbin li jiltaqa' magħhom Dante fl-Antinfern, matul ir-rakkont tiegħu. Jiddeskrivhom bil-ħruxija fit-tielet Canto tal-Inferno. Dawn l-indannati huma dawk li matul ħajjithom qatt ma għamlu xejn la fit-tajjeb u lanqas fil-ħażin u ma qatt issugraw ikollhom idea waħda tagħhom, imma illimitaw ruħhom biss f'li jkunu komdi
- ^ "Imbagħad staħba fin-nar li rfinaħ."
Ħoloq esterni
immodifikaIl-Wikisors għandu testi oriġinali li għandhom x'jaqsmu ma' dan l-artiklu: Dante Alighieri |
Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Dante Alighieri |
Fil-Wikikwota hemm kollezzjoni ta' kwotazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma': Dante Alighieri |
- Dante online (Società Dantesca Italiana)
- Dante Dartmouth Project
- La Commedia online
- Dante u Firenze ta' Marina Marietti, Professur fl-università ta' Pariġi III-Sorbonne Nouvelle.
- [1] Dante u Beatrice (1883) — Pittura ta' Henry Holliday
- [2] Koch u Dante — Id-disinji ta' Koch tal-Kummiedja Divina
- Ċentru Dantesk tal-Patrijiet Minuri Konventwali, Ravenna
- Qari u kummenti bit-Taljan minn Vittorio Sermonti tal-ewwel Cantica ta' Dante
- Qari u kummenti bit-Taljan minn Vittorio Sermonti tat-tieni Cantica ta' Dante
- Qari u kummenti bit-Taljan minn Vittorio Sermonti tat-tielet Cantica ta' Dante
- Ħajja ta' Dante bl-istampi
- Stanford Encyclopedia of Philosophy: Il-filosofija fix-xogħol ta' Dante
- The World of Dante multimedja, testi, mapep, gallerija, databażi, mużika, riżorsi għall-għalliema, kronoloġija
- Multimedja
- The Princeton Dante Project testi u multimedja
- The Dartmouth Dante Project databażi ċerkabbli ta' kummentarji
- [3] Il-proġett Gutenberg