[go: up one dir, main page]

Il-Gwerer Puniċi kienu sensiela ta' tliet gwerer miġġielda bejn ir-Rumani u l-belt Feniċja ta' Kartaġni. Jissejħu "Puniċi" għax ir-Rumani baqgħu jirreferu għall-Kartaġiniżi bħala Feniċi, billi l-kelma bil-Latin għall-feniċju għandha l-għerq 'Puniceus'.

Il-kawża prinċipali ta' dawn il-Gwerer Puniċi kien il-kunflitt ta' interess bejn il-Kartaġiniżi u r-Rumani, kawżat minħabba l-espansjoni ta' dawn iż-żewġ superpotenzi tal-Mediterran. Ir-Rumani kienu interessati ħafna fil-portijiet u l-kolonji Kartaġiniżi. Fil-bidu tal-Ewwel Gwerra Punika, Kartaġni kienet tiddomina l-Mediterran, b'imperu marittimu kbir ħafna, filwaqt li Ruma bdiet issir il-mexxejja tal-popli Latini fl-Italja. Fl-aħħar tat-Tielet Gwerra Punika, Ruma kienet rebħet l-imperu sħiħ tal-Kartaġiniżi u ħassret lill-belt ta' Kartaġni minn wiċċ id-dinja, biex b'hekk Ruma saret l-iktar nazzjon potenti fil-Mediterran.

L-Ewwel Gwerra Punika (264 QK - 241 QK) kienet primarjament gwerra marittima. It-Tieni Gwerra Punika (218 QK - 202 QK) hi famuża grazzi għal Annibale u l-attakki tiegħu fl-Italja. It-Tielet Gwerra Punika (149 QK - 146 QK) spiċċat bit-telfa ta' Kartaġni.