Hermannus Contractus
Hermannus Contractus | |||
---|---|---|---|
1048 - 1054 ← Berno of Reichenau (en) | |||
Ħajja | |||
Twelid | Altshausen, 18 Lulju 1013 | ||
Nazzjonalità | Imperu Ruman Qaddis | ||
Mewt | Abbazija ta' Reichenau, 24 Settembru 1054 | ||
Familja | |||
Missier | Wolfrad II Graf von Aleshausen | ||
Omm | Hiltrude von Trauchburg und Saulgau | ||
Aħwa | |||
Edukazzjoni | |||
Lingwi |
Ġermaniż Latin | ||
Studenti |
uri | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
kronista kompożitur teoriku tal-mużika mużikologu matematiku astronomu astrologu storiku kittieb poeta | ||
Moviment | mużika Medjevali | ||
Festa | |||
24 ta' Settembru |
Hermannus Contractus jew Hermann ta' Reichenau (twieled fit-18 ta' Lulju 1013 – miet fl-24 ta' Settembru 1054), magħruf ukoll b'ismijiet oħra, kien patri Benedittin u studjuż tas-seklu 11. Huwa fassal xogħlijiet dwar l-istorja, it-teorija mużikali, il-matematika, u l-astronomija, kif ukoll bosta innijiet. Tradizzjonalment huwa ġie akkreditat li kkompona Salve Regina, Veni Sancte Spiritus, u Alma Redemptoris Mater, għalkemm dawn l-attribuzzjonijiet xi kultant jiġu ddubitati. Il-fidi u l-beatifikazzjoni tiegħu ġew ikkonfermati mill-Knisa Kattolika Rumana fl-1863.[1][2][3]
Ismijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Isem Hermann xi drabi jiġi Angliċizzat bħala Herman jew Latinizzat bħala Hermannus; xi kultant jidher ukoll bil-forma antika ta' Heriman. Huwa jiġi distint ukoll bħala Hermann ta' Vöhringen (bil-Latin: Hermannus de Voringen; bil-Ġermaniż: Hermann von Vöhringen) abbażi ta' raħal twelidu. Madankollu, huwa magħruf l-iktar bħala Hermannus Contractus (bil-Franċiż: Hermann Contract jew Hermann le Contrefait; bl-Ingliż: Hermann the Lame (iz-Zopp) jew Hermann the Cripple (il-Magħtub); bil-Ġermaniż: Hermann der Lahme) jew bħala Hermann ta' Reichenau (bil-Latin: Hermannus Augiensis; bil-Ġermaniż: Hermann von Reichenau) abbażi tal-post fejn kien jinsab il-monasteru tiegħu, jiġifieri l-gżira ta' Reichenau (bil-Latin: Augia) fil-Lag ta' Kostanza (bil-Ġermaniż: Bodensee).
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Hermann kien iben il-Konti ta' Altshausen. Huwa kien diżabbli minħabba marda paralitika mit-tfulija bikrija. Huwa twieled fit-18 ta' Lulju 1013, b'palatoskisi u b'paraliżi ċerebrali, u jingħad ukoll li kellu l-ispina bifida.[4] Madankollu, abbażi tal-evidenza, studji iktar reċenti jindikaw li Hermann possibbilment kellu sklerożi laterali amijotrofika jew atrofija muskolari fis-sinsla tad-dahar.[5][6] B'riżultat ta' dan, kellu diffikultà kbira biex jiċċaqlaq u bilkemm seta' jitkellem. Meta kellu seba' snin, huwa tqiegħed b'monasteru Benedittin mill-ġenituri tiegħu li ma setgħux jieħdu ħsiebu iktar.
Huwa trabba fl-Abbazija ta' Reichenau, gżira fuq il-Lag ta' Kostanza fil-Ġermanja. Huwa tgħallem mingħand il-patrijiet u żvilupp interess kbir kemm fit-teoloġija kif ukoll fid-dinja ta' madwaru. Meta kellu għoxrin sena, Hermann daħal fl-ordni Benedittina bħala patri Benedittin, u sar midħla ta' diversi lingwi (fosthom l-Għarbi, il-Grieg u l-Latin) u kkontribwixxa għall-erba' arti kollha tal-quadrivium.[7]
Huwa kiteb dwar l-istorja, il-matematika, l-astronomija u l-Kristjaneżmu.[8] Huwa fassal kitbiet dwar ix-xjenza tal-mużika, diversi xogħlijiet dwar il-ġeometrija u l-aritmetika, u kitbiet astronomiċi li jinkludu struzzjonijiet għall-kostruzzjoni ta' astrolabbju li xi kultant wasslet biex jiġi akkreditat bħala l-inventur tiegħu. Bħala storiku, huwa kiteb kronaka dettaljata mit-twelid ta' Kristu sa żmienu, u għamel il-ġrajjiet kollha f'ordni skont l-era Kristjana. Dan ix-xogħol ġie estiż iktar 'il quddiem mill-istudent tiegħu Berthold ta' Reichenau.
Huwa kien rinomat bħala poeta reliġjuż u kompożitur mużikali. Fost ix-xogħlijiet li waslu sa żminijietna hemm officia għal Santa Afra u San Wolfgang. Meta għama iktar tard f'ħajtu, huwa beda jikteb l-innijiet. Huwa kien famuż biżżejjed li saħansitra ġie akkreditat b'kompożizzjonijiet li saru minn kompożituri li ġew warajh; fost ix-xogħlijiet li tradizzjonalment jiġu attribwiti lilu hemm is-Salve Regina, Veni Sancte Spiritus, u Alma Redemptoris Mater.
Hermannus Contractus miet f'Reichenau fl-24 ta' Settembru 1054, meta kellu 41 sena. Il-Knisja Kattolika Rumana bbeatifikatu fl-1863.
Legat u influwenza
[immodifika | immodifika s-sors]Tliet minn ħames sinfoniji li ġew miktuba mill-kompożitur Russu Galina Ustvolskaya huma bbażati fuq it-testi ta' Hermannus Contractus.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Hermann (2.). XI. Miġbur 2021-09-24.
- ^ The Tradition of Catholic Prayer by Christian Raab, Harry Hagan, p. 234, 2007, ISBN 0-8146-3184-3.
- ^ Handbook of Prayers by James Socías, 2006, ISBN 0-87973-579-1 p. 472.
- ^ "Saint of the Day: Blessed Herman the Cripple, Monk (1013 - 1054)". Miġbur 2021-09-24.
- ^ "Hermann of Reichenau - Biography". Maths History (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-24.
- ^ C Brunhölzl, "Thoughts on the illness of Hermann von Reichenau (1019–1054)", Sudhoffs Arch. 83 (2) (1999), 239-243.
- ^ Online, Catholic. "Bl. Herman the Cripple - Saints & Angels". Catholic Online (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-24.
- ^ "CATHOLIC ENCYCLOPEDIA: Hermann Contractus". www.newadvent.org. Miġbur 2021-09-24.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- McCarthy, T. J. H. Music, scholasticism and reform: Salian Germany, 1024–1125 (Manchester, 2009), pp. 23–30, 62–71. ISBN 978-0719078897.
- The Musica of Hermannus Contractus. Edited and translated by Leonard Ellinwood. Revised with a new introduction by John L. Snyder (Rochester, NY: University of Rochester Press, 2015), xviii + 221 pp.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- O'Connor, John J.; Robertson, Edmund F., "Hermann of Reichenau", MacTutor History of Mathematics archive, University of St. Andrews
- Catholic Encyclopedia
- Hermannus Contractus; sit web bil-Ġermaniż b'kollezzjoni ta' testi oriġinali
- Catholic Forum
- musicologie.org; Hermannus Contractus et la théorie de la musique. Sources, éditions, bibliographie, commentaires