[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Abbazija ta' Lorsch

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-daħla Karolinġja tas-seklu 9 tal-Abbazija ta' Lorsch. Tikkombina xi elementi mill-arkata trijonfali Rumana bil-passaġġi bil-ħnejjiet u n-nofs kolonni, flimkien mal-wirt Tewtoniku vernakolari bi trijangoli bla bażi u xogħol polikromatiku bil-ġebel.

L-Abbazija ta' Lorsch, magħrufa wkoll bħala l-Abbazija Imperjali ta' Lorsch (bil-Ġermaniż: Reichsabtei Lorsch; bil-Latin: Laureshamense Monasterium jew Laurissa), hija abbazija imperjali f'Lorsch, il-Ġermanja, madwar għaxar kilometri fil-Lvant ta' Worms. Hija waħda mill-iktar monasteri rinomati tal-Imperu Karolinġju. Minkejja li fadal biss fdalijiet, dawn huma fost l-iktar fdalijiet importanti ta' binjiet bi stil pre-Rumanesk-Karolinġju fil-Ġermanja. Il-kronaka tal-abbazija, li ddaħħlet fil-Lorscher Codex li ġie kkumpilat fis-snin 70 tas-seklu 12 (issa fl-arkivju statali ta' Würzburg), hija dokumenti fundamentali għall-istorja Medjevali bikrija Ġermaniża. Dokument famuż ieħor mill-librerija monastika huwa l-Codex Aureus ta' Lorsch. Fl-1991, l-abbazija tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Ismijiet storiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn l-ismijiet storiċi li ġejjin ġew iddokumentati:

  • Fis-seklu 8: Laurisham[2]
  • Fis-seklu 9: Lorishaim
  • Fis-sekli 9 u 11: Loresham
  • Fis-sekli 9 u 10: Laurishaim
  • Fis-seklu 10: Laresham
  • Fis-sekli 10 sa 12: Lareshaeim u Lauresheim
  • Fis-sekli 11 u 12: Lauresham
  • Fis-seklu 11: Larsem, Loraszam, Lorozam u Lorisham
  • Fis-seklu 12: Laurisca, Laurisham, Laureshan, Loressam, Lorisheym, Lorscheim u Lors
Inċiżjoni bil-kulur tal-1615 tal-abbazija u l-monasteru ta' Lorsch magħmula minn Matthaeus Merian

L-abbazija ġiet stabbilita fis-764 mill-Konti Frank Cancor u ommu Williswinda li kienet romlot, bħala knisja proprjetarja (bil-Ġermaniż: Eigenkirche) u monasteru fuq il-proprjetà tagħhom imsejħa Laurissa. Kienet iddedikata lil San Pietru u San Pawl. Il-fundaturi fdaw it-tmexxija tagħha lin-neputi ta' Cancor, Chrodegang, l-Arċisqof ta' Metz, li sar l-ewwel Superjur tal-patrijet tagħha. Il-fundaturi devoti komplew isebbħu l-abbazija l-ġdida billi jagħtuha iktar donazzjonijiet. Sabiex l-abbazija ssir popolari bħala santwarju u post ta' pellegrinaġġ, Chrodegang kiseb mill-Papa Pawlu I l-ġisem ta' San Nazzarenu, li miet martri f'Ruma flimkien ma' tlieta minn sħabu taħt Djoklezjanu.[3]

Fil-11 ta' Lulju 765, ir-relikwi sagri waslu u b'solennità kbira ġew iddepożitati fil-bażilika tal-monasteru. Fis-766, Chrodegang irriżenja minn Superjur tal-patrijiet, sabiex ikompli bid-dmirijiet l-oħra tiegħu bħala Arċisqof ta' Metz. Imbagħad huwa bagħat lil ħuh Gundeland lejn Lorsch bħala s-suċċessur tiegħu, flimkien ma' erbatax-il patri Benedittin.

F'dik l-istess sena, kien hemm tilwima dwar id-drittijiet tal-proprjetà bejn Gundeland u iben Cancor, u l-abbazija ġiet imċaqilqa fuq duna ta' Żmien is-Silġ, ftit mijiet ta' metri mill-pożizzjoni oriġinali tagħha fuq gżira żgħira fil-Weschnitz, tributarja tax-xmara Renu. Fis-772, Gundeland applika għand l-ogħla awtorità, Karlu Manju, li laqa' t-talba tiegħu. Gundeland b'hekk ta l-abbazija bil-proprjetajiet kollha tiegħu lir-re, u b'hekk l-abbazija saret abbazija rjali.

L-abbazija u l-bażilika mbagħad ġew iddedikati lil San Nazzarenu: il-knisja prinċipali tal-qaddisin San Pietru, San Pawl u San Nazzarenu ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof ta' Mainz f'Settembru 774, fil-preżenza ta' Karlu Manju.

Dettall ta' Luqa l-Evanġelista mill-Codex Aureus ta' Lorsch

Intqal li saru bosta mirakli permezz tal-interċessjoni ta' San Nazzarenu f'Lorsch, u b'hekk il-pellegrini ġew bi ħġarhom mill-imkejjen kollha tal-Ewropa biex iżuru s-santwarju. Matul is-seklu 9, il-librerija u l-iskrittorju ta' Lorsch saru wieħed miċ-ċentri kulturali tal-Ġermanja; l-erba' katalogi tas-seklu 9 li għadhom eżistenti juru li kellhom kemm testi Klassiċi kif ukoll testi Kristjani.[4] Xi ftit manuskritti Karolinġji huma magħrufa iktar mill-Vanġeli ta' Lorsch, fosthom il-Codex Aureus ta' Lorsch, li issa huwa maqsum bejn il-Librerija tal-Vatikan u l-Librerija ta' Batthyaneum f'Alba Iulia, ir-Rumanija; id-dittiċi konsulari bl-avorju mnaqqax ta' Anastasju (il-konslu 517) li ntużaw mill-ġdid għal-legaturi huma opri tal-arti klassiċi fihom infushom, u jinkorporaw it-tradizzjoni klassika ta' Biżanzju kif trażmessa f'Lorsch fi żmien Karlu Manju.[5]

Fit-876, ftit wara l-mewt ta' Ludwig der Deutsche (Ludwig il-Ġermaniż), l-abbazija saret il-post fejn indifen l-ewwel re "Ġermaniż". Ibnu, Ludwig der Jüngere (Ludwig iż-Żgħir, miet fit-882), u n-neputi tiegħu Hugo (miet fit-879) indifnu wkoll f'Lorsch. Il-kappella funebri (ecclesia varia) iktar 'il quddiem kompliet isservi bħala post funebri rjali, pereżempju għal Kunigunde (miet wara d-915), il-mara tal-ewwel re mhux Karolinġju, Konrad I.[3]

Il-Papiet u l-Imperaturi baqgħu jappoġġaw l-abbazija u jagħtuha privileġġi u proprjetajiet mill-Alpi sal-Baħar tat-Tramuntana, u b'hekk f'qasir żmien mhux talli saret immensament rikka, talli saret ukoll sede ta' influwenza politika. Ġiet iddikjarata reichsabtei (prinċipat sovran, soġġetta direttament u unikament għall-imperatur).

Mit-895 sad-956, l-abbazija ma tħallietx teleġġi s-Superjuri tal-patrijiet tagħha stess: dawn ġew appuntati mir-re. L-Imperatur Otto I reġa' ta dan id-dritt lill-abbazija ta' Lorsch. Konfrontazzjoni bejn il-mexxej u s-Superjur tal-patrijiet dwar il-kostruzzjoni tal-Kastell ta' Starkenburg qrib l-abbazija rriżultat f'konfrontazzjoni bejn is-Superjur Udalrich u r-re fi Trebur b'1,200 rikkieb armat taż-żwiemel. Sal-1090, Lorsch kienu żaruha bosta rejiet/imperaturi f'xi 20 okkażjoni. Fl-1052, il-Papa Ljun IX ġie biex jikkonsagra artal fil-kappella funebri tal-Karolinġji tal-Lvant.[3]

L-abbazija, li kienet tgawdi mid-drittijiet territorjali sovrani, sfat implikata f'diversi fewdi lokali u f'għadd ta' gwerer. Wara li 46 Superjur Benedittin kienu mexxew l-abbazija, Konrad, l-aħħar wieħed minnhom, ġie depost mill-Papa Gregorju IX fl-1226, u permezz tal-influwenza ta' Federiku II, Lorsch ġiet taħt il-pussess ta' Siegfried III, l-Arċisqof ta' Mainz, fl-1232, u b'hekk intemm il-perjodu ta' indipendenza kulturali u politika ta' Lorsch.

Mill-1232 sal-1248, Lorsch intużat miċ-Ċisterċensi.[3]

Storja iktar tard

[immodifika | immodifika s-sors]
Fdalijiet mill-knisja ta' Lorsch

Fl-1248, il-kanoniċi Premonstratensi mill-Abbazija ta' Allerheiligen ingħataw it-tmexxija tal-monasteru mill-Papa Ċelestinu IV. Fl-1461, l-abbazija ġiet ipotekata lill-Palatinat Elettorali. Fl-1556, l-Elettur Palatin Otto Heinrich implimenta r-Riformazzjoni Protestanta fit-territorji tiegħu u xolja l-monasteri.

Huwa neħħa l-kontenuti tal-librerija u ħadhom f'Heidelberg, fejn sawwar il-Biblijoteka Palatina famuża, eżatt qabel ix-xoljiment tal-abbazija ta' Lorsch fl-1557/1563. Il-kumplament tal-membri tal-komunità reliġjuża tal-abbazija ngħataw il-pensjoni u tkeċċew. Fl-1623, wara l-ħakma ta' Heidelberg, l-Elettur Massimiljanu tal-Bavarja ppreżenta l-librerija rinomata, b'196 kaxxa ta' manuskritti, lill-Papa Gregorju XV.[6] Leo Allatius intbagħat bħala superintendent tat-trasferiment tagħha lejn Ruma, fejn ġiet inkorporata fil-Librerija tal-Vatikan bħala l-Biblijoteka Palatina.[7]

Sal-2015, il-Vatikan kellu iktar minn terz tal-manuskritti eżistenti ta' Lorsch, filwaqt li l-bqija huma mifruxa bejn tnejn u sebgħin istituzzjoni fi tnax-il pajjiż. Fl-2014, l-Università ta' Heidelberg ħolqot sit web li reġa' għaqqad id-dokumenti eżistenti ta' Lorsch f'ambjent diġitali.

Qerda tal-abbazija

[immodifika | immodifika s-sors]
Bolla tal-Abbazija ta' Lorsch tal-1967

Matul il-Gwerra tat-Tletin Sena, Lorsch u l-viċinat tagħha batew bil-kbir. Fl-1621, it-truppi Spanjoli serqu l-materjal mill-abbazija u l-biċċa l-kbira tal-binjiet twaqqgħu. Wara li l-Arċiveskovat ta' Mainz reġa' kiseb il-pussess tiegħu fl-1623, ir-reġjun reġa' lura għall-fidi Kattolika. Madankollu, l-abbazija baqgħet fi stat ta' fdalijiet u serviet bħala sors ta' materjali tal-bini għar-reġjun kollu.[3]

L-agħar perjodu għal Lorsch kien matul il-gwerer ta' Lwiġi XIV ta' Franza fl-aħħar tas-seklu 17. Villaġġi sħaħ fir-reġjun spiċċaw fdalijiet, id-djar tar-raħħala nħarqu, u s-suldati Franċiżi taw in-nar lill-binjiet antiki tal-abbazija. Parti waħda, li baqgħet intatta, intużat bħala maħżen għat-tabakk fis-snin qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija. Id-daħla l-antika, magħrufa bħala l-Königshalle jew l-aula regia (is-sala tar-re jew irjali), li nbniet fis-seklu 9 mir-Re Lwiġi II, hija l-eqdem monument kważi intatt għalkollox tal-arkitettura Karolinġja.[8]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

L-abbazija u l-monasteru ta' Lorsch ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991. Fl-2011 saret modifika minuri fil-konfini taż-żona ta' lqugħ tas-sit.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Abbey and Altenmünster of Lorsch". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-13.
  2. ^ Baron Sloet, L. A. J. W. (1872). Oorkondenboek der Graafschappen Gelre en Zutfen tot op den Slag van Woeringen, 5 Juni 1288. Gravenhage: Martinus Nijhoff. p. 10 (nru 9).
  3. ^ a b ċ d e admin. "Lorsch Abbey" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-13.
  4. ^ James W. Thompson, The Medieval Library (New York) 1957, pp. 80-82; Chauncey E. Finch, "Catalogues and Other Manuscripts from Lorsch" Transactions and Proceedings of the American Philological Association 99 (1968) pp. 165-179.
  5. ^ Margaret H. Longhurst and Charles Rufus Morey, "The Covers of the Lorsch Gospels", Speculum 3.1 (January 1928:64-74); Charles Rufus Morey, " The Covers of the Lorsch Gospels", Speculum 4.4 (October 1929):411-429).
  6. ^ Thompson 1957; Finch 1968:165.
  7. ^ Buttner, Alexandra; Michael, Kautz (2015). "From a dispersed medieval collection to one international library: the virtual reconstruction of the monastic library of Lorsch". Art Libraries Journal. 40 (3): 11-20.
  8. ^ "Lorsch Abbey Flyer" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2021-08-13. Miġbur 2021-08-13.