[go: up one dir, main page]

Aqbeż għall-kontentut

Irdumijiet ta' Bandiagara

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-verżjoni stampabbli m'għadhiex appoġġjata u jista' jkollha żbalji ta' rendering. Jekk jogħġbok aġġorna l-bookmarks tal-browser tiegħek u jekk jogħġbok uża l-funzjoni tal-istampar tal-browser default minflok.
L-Irdumijiet ta' Bandiagara.

L-Irdumijiet ta' Bandiagara (bl-Għarbi: منحدرات باندياغارا الصخرية, bil-Franċiż: falaise de Bandiagara) jinsabu fl-art tad-Dogoni fil-Mali. L-irdumijiet tal-ġebel ramli huma għoljin madwar 500 metru (1,600 pied) 'il fuq mill-artijiet ċatti bir-ramel lejn in-Nofsinhar. L-irdumijiet huma twal madwar 200 kilometru (120 mil), huma orjentati min-Nofsinhar għall-Grigal, u huma estiżi tal-katina muntanjuża ta' Grandamia. Tmiem l-irdumijiet huwa mmarkat b'Hombori Tondo, l-ogħla quċċata tal-Mali b'għoli ta' 1,155 metru (3,789 pied).

Abitazzjonijiet tal-poplu Tellem.

L-inħawi tal-irdumijiet illum il-ġurnata huma abitati mill-poplu tad-Dogoni. Qabilhom, l-irdumijiet kienu abitati mill-popli Tellem u Toloy. Għad fadal bosta strutturi minn żmien il-poplu Tellem. L-Irdumijiet ta' Bandiagara tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1989.[1] Minħabba l-karatteristiċi arkeoloġiċi, etnoloġiċi u ġeoloġiċi, is-sit kollu huwa ta' interess.

Storja

Kaskata nieżla mill-Irdumijiet ta' Bandiagara.

Il-poplu Tellem li kien jgħix fl-għerien, grupp etniku li tkeċċa mal-wasal tad-Dogoni, kien jgħix fix-xaqlibiet tal-irdumijiet. Il-legat tal-poplu Tellem huwa evidenti fl-għerien li ħaffru fl-irdumijiet sabiex setgħu jidfnu lill-mejtin tagħhom fl-għoli, 'il bogħod mill-għargħar f'daqqa li jaffettwaw l-inħawi.

Għexieren ta' villaġġi jinsabu tul l-irdumijiet, bħal Kani Bonzon. Ħdejn dan il-villaġġ, fis-seklu 14 waslu d-Dogoni, u minn hemm infirxu tul il-promontorju u l-pjanuri kollha ta' Seno-Gondo.

Veduta tal-abitazzjoni bl-irdumijiet fl-isfond.

Skont l-istorja lokali bil-fomm, id-Dogoni ma tantx ġew imfixkla mis-setgħat kolonjali Franċiżi minħabba l-bosta mini naturali li kellhom tul l-Irdumijiet ta' Bandiagara. Id-Dogoni biss kienu jafu bil-mini, u rnexxielhom jużawhom biex jaħsdu u jkeċċu lill-aggressuri.

L-Irdumijiet ta' Bandiagara attwalment

L-abitazzjonijiet fl-Irdumijiet ta' Bandiagara.

Illum il-ġurnata, il-gwidi lokali jiskortaw lill-gruppi turistiċi tul l-Irdumijiet ta' Bandiagara biex iżuru l-villaġġi tad-Dogoni. Hemm sensiela ta' mogħdijiet tul l-irdumijiet, u hostels f'kull villaġġ jipprovdu l-ikel u l-akkomodazzjoni. Il-villaġġi ospitanti jirċievu l-introjtu mill-hostels u mit-taxxi tat-turiżmu. Huma mistennija żidiet kbar fit-turiżmu fl-inħawi, peress li qed tinbena awtostrada ġdida, u dan x'aktarx li se joħloq pressjoni fuq il-kulturi tradizzjonali lokali.[2] Barra minn hekk, The Independent tirrapporta li s-serq ta' artefatti antiki huwa problema mifruxa fl-inħawi, bi ftit għassa.[3]

Sabiex jixħet l-attenzjoni fuq il-kwistjoni taż-żjarat turistiċi mhux ikkontrollati, il-Fond Dinji għall-Monumenti inkluda l-Irdumijiet ta' Bandiagara fil-lista tas-siti fil-periklu fl-2004. Fl-2005, il-Fond ipprovda għotja mingħand l-American Express għall-Missjoni Kulturali ta' Bandiagara għall-iżvilupp ta' pjan ta' ġestjoni tas-sit.[4] Apparti l-protezzjoni tal-binjiet tradizzjonali, il-pjan ta' ġestjoni appella għar-regolamentazzjoni tal-kostruzzjonijiet il-ġodda permezz tal-istabbiliment ta' linji gwida stretti tal-kostruzzjoni, bħal dawk li jirregolaw l-iżvilupp il-ġdid fid-distretti storiċi madwar id-dinja.

Wara l-gwerra tal-2012 fil-Mali, żoni ċentrali fil-pajjiż, inkluż il-Promontorju tad-Dogoni u l-Irdumijiet ta' Bandiagara, kulma jmur saru postijiet perikolużi. Gruppi terroristiċi joperaw fl-inħawi, u l-vjolenza bejn l-etniċitajiet lokali sseħħ kuljum.

Mill-2018, huwa rakkomandat ferm li ma jsirx ivvjaġġar f'dawn l-inħawi għat-turiżmu, u l-forzi tas-sigurtà tal-Mali kemm-il darba bblokkaw l-aċċess għall-inħawi fir-rigward ta' xi turisti li xorta waħda ppruvaw iżuru s-sit. F'Marzu 2018, grupp armat attakka lukanda fejn kien hemm il-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti fir-raħal ta' Bandiagara, u mietu diversi persuni.[5]

Sit ta' Wirt Dinji

L-Irdumijiet ta' Bandiagara (l-Art tad-Dogoni) ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1989.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali".[1]

Referenzi

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Cliff of Bandiagara (Land of the Dogons)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-04.
  2. ^ "Mali: what price tourism?" (bl-Ingliż). 2001-04-16. Miġbur 2024-03-04.
  3. ^ Ostergard, Robert L.; Tubin, Matthew R.; Dikirr, Patrick (2006). "Between the Sacred and the Secular: Indigenous Intellectual Property, International Markets and the Modern African State". The Journal of Modern African Studies. 44 (2): 309–333.
  4. ^ "Bandiagara Escarpment Cultural Landscape". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-04.
  5. ^ Patient, Douglas (2018-03-29). "Gunmen storm hotel in brutal attack – two dead". Daily Star (bl-Ingliż). Miġbur 2024-03-04.